Il-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali huwa ċelebrazzjoni kulinari tal-aqwa kċejjen minn madwar id-dinja. Opportunita’ sabiex wieħed jaqsam il-passjoni tiegħu għal ikel filwaqt li jduq l-ifjen platti minn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-Dinja.
Dan l-avveniment annwali din is-sena mistenni jkun akbar minn qatt qabel, f’dik li qiegħda titqies bħala waħda mill-akbar edizzjonijiet ta’ kull żmien. B’aktar minn 20 kċina minn pajjiżi differenti, madwar 80 kok Malti u barrani ser ikunu qegħdin jippreparaw madwar 200 platt differenti. L-aqwa opportunita’ għall-persuni fl-industrija kulinarja f’Malta sabiex jesebixxu, jsajru u jippromwovu ikel differenti f’atmosfera unika.
L-aroma tal-ifjen ikel minn madwar id-dinja ser jinvadu l-Belt siekta tal-Mdina. Din is-sena l-avveniment ser ikun mifrux għall-ewwel darba fuq 5 tijiem, mill-Erbgħa 17 ta’ Lulju sal-Ħadd 21 ta’ Lulju mis-sitta ta’ filgħaxija ‘l quddiem. It-tjubijja, d-dettal u l-versatilita’ ta’ ‘l fuq minn 200 platt differenti ser ikunu akkumpanjati bl-ifjen deżerti barranin u oħrajn tradiżżjonali Maltin li għandhom jinżlu għasel matul dawn il-ġranet sħan tas-sajf.
Ikel għal vegani, veġitarjani u ikel mingħajr glutina ser ikun ukoll offrut minn numru ta’ stands.
Numru ta’ esebituri ser ikunu ukoll qegħdin idewqu ikel b’xejn minn għadd ta’ stands mifruxa tul il-foss tal-Imdina. Il-Foss tal-Imdina ser ikun imżejjen u armat apposta sabiex ikompli jissebbaħ għal dan il-festival.
L-aqwa artisti lokali ser ikunu qegħdin joffru divertiment matul liljieli kollha, filwaqt li t-tfal ser ikollhom fejn jiddevertu ruħhom b’żona apposta iddedikata għalihom. Artiġjani Maltin ser ikunu qegħdin jesebixxu l-prodotti tagħhom filwaqt li artisti lokali ser ikunu qegħdin ipittru dak il-ħin ix-xenarju spettakolari tal-Imdina.
B’differenza din is-sena, l-organizzaturi issieħbu ma’ ALS Malta sabiex jorganizzaw bħala parti minn dan l-avveniment Malta’s Most Wanted Cook Off, fejn personalitajiet lokali ser ikunu qegħdin jikkompetu kontra xulxin sabiex naraw min fosthom jibrilla fit-tisjir. Il-pubbliku ser ikollu ċ-ċans li jiġġudika u jgħamel l-għażliet tiegħu f’atmosfera divertenti, filwaqt li wieħed ikun qiegħed jgħin sabiex il-proġett ta’ Dar Bjorn 2 issir realta’.
Dawk li jixtiequ jduqu jew jieklu wieħed mill-platti preparati jistgħu jixtru l-biljetti minn numru ta’ stands li ser ikunu armati. Ser ikun hemm ukoll varjazzjoni ta’ xorb u inbid bi prezzijiet raġonevoli.
Servizz ta’ Park & Ride ser jigi offrut minn Triq l-Infetti r-Rabat matul l-erbgħat ijiem. Ser jiġu offrut skond minn Medasia Cabs għal min jagħmel użu mis-servizz tat-taxi matul din l-attivita’, filwaqt li GoTo Car Sharing ser ikunu qegħdin joffru rati speċjali u VIP parking b’xejn għal dawk li jużaw dan is-servizz matul il-festival.
Il-Festival Malti tal-Ikel Internazzjonali ser jitella l-Erbgħa 17 ta’ Lulju, il-Ħamis 18 ta’ Lulju, il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju, is-Sibt 20 ta’ Lulju u l-Ħadd 21 ta’ Lulju mis-sitta ta’ filgħaxija ‘il quddiem fil-Foss tal-Imdina.
Aktar informazzjoni fuq http://www.maltainternationalfoodfestival.com