Il-Prim Ministru fuq ONE Radio tkellem ukoll dwar l-approvazzjoni tal-liġi tal-kera fi stadju tat-tieni qari u kif kienet frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa. “Din ilna naħdmu fuqha ‘l fuq minn sena. Nazzarda ngħid sentejn,” qal Joseph Muscat li spjega kif kien hemm proċess sa minn qabel il-white paper u għad-diskussjoni ta’ wara.
“Tant kemm saret konsultazzjoni ma’ stakeholders differenti… jien sodisfatt ħafna li saħansitra kien hemm unanimità fil-Parlament. Meta tqis li hija riforma kbira bħal din li jkollok unanimità hija xi ħaġa kbira. Iktar minn hekk anke nies li mhumiex kuntenti għal kollox b’din ir-riforma jafu li hija ġusta,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru żied li din mhix xi ħaġa ta’ darba li tieqaf hemm. Fisser kif din hi parti minn strateġija usa tal-gvern li tinkludi l-housing soċjali u l-housing affordabbli.
“Hija l-ewwel darba li l-gvern għandu strateġija sħiħa fil-qasam tal-housing,” qal il-Prim Ministru.