Vasilica Tiberiu Ciubotaru, li kien xurban, qabad iwaddab oġġetti għal isfel wara li wasal id-dar u ma sabx lil martu u lil binhom. Il-każ seħħ lura f’Awissu tas-sena l-oħra. Fost l-affarijiet li beda jwaddab huwa tefa’ għal isfel ċilindru tal-gass, żiemel tal-ħwejjeġ, pala u xkupa filwaqt li beda jsejjaħ il-pulizija. Huwa għamel ħsara lill-ħanut u Landrover li kien taħtu.
Il-Qorti semgħet kif huwa mill-ewwel wera rimors ta’ dak li għamel u offra li jħallas għad-danni. Madankollu meta tal-ħanut talbu €7,000 huwa ma ħallasx għax ħass li kienu wisq.
Il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello rat kif id-danni reali kienu jammontaw għal €3,460 u l-akkużat aċċetta li jħallas minnufih. Filwaqt li r-reat iġorr miegħu piena ta’ ħabs, minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ u l-fatt li l-akkużat qatt ma wettaq reati oħra, il-qorti ħelsitu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin.