Il-mitejn u ħames anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija tfakkar b’quddies fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann u b’parata f’Misraħ San Ġorġ, il-Belt.
Wara li waslu l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-President ta’ Malta George Vella waslu fi Pjazza San Ġorg bil-Kavallerija tal-Pulizija.
IL-President Vella spezzjona l-Gwardja tal-unur u wara ssoktat iċ-ċerimonja li fakkret it-twaqqif ta’ wieħed mill-eqdem korpi tal-pulizija b’ċerimonja li kienet ilha ma ssir is-snin.
F’kummenti ma’ ONE News il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-Korp għamel bosta suċċessi fil-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità.
Spjega kif “Kellna bosta suċċessi, kellna suċċessi fejn tidħol speċjalment qbid tad-droga. Tista’ tgħid li s-sena l-oħra kellna rekord u f’dawn is-sitt xhur mexjin biex dan ir-rekord niksruh ta’ qbid tad-droga.”
Mistoqsi dwar il-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija għaż-żmien li ġej, il-Kummissarju qal li bħalissa qed tiġi diskussa strateġija ġdida għal Korp li għandha l-għan li tiffoka iżjed fuq il-prevenżjoni tar-reat.
Qal kif għal dan il-għan inġib espert minn barra bil-għan lill-Korp jiffoka fuq il-Pulizija tal-Kommunità, kif il-Korp irid ikun pro-attiv u l-pulizija tmur għand il-pubbliku minflok il-pubbliku jersaq lejn il-Pulizija.
Qal “Kif aħna nistgħu mmorru aħna, aktar milli n-nies jiġu għandna. Aħna kellna dawn is-suċċessi f’dawn l-aħħar żminijiet grazzi għall-għajnuna u l-fiduċja tal-pubbliku li wera fil-Pulziija. Aħna meta tlabna l-għajnuna tal-Pulizija dejjem kienet massiċċa.”
Is-Sur Cutajar qal li sal-aħħar ta’ din is-sena t-taqsimiet ta’ kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus se jibdew joperaw minn bini ġdid, bil-għan li dawn jikbru iżjed u jsiru iżjed speċjalizzati.
Intant, fl-omelija tiegħu Monsinjur Arċisqof Charles J Scicluna
qal li kultant hemm bżonn li s-soċjeta’ tgħin lill-Pulizija biex issir ġustizzja. Huwa semma’ kif meta tinqala’ xi trawma jaħseb dwar il-vittmi imma wkoll dwar il-ħaddiema li jaslu l-ewwel fuq il-post u jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet xejn feliċi.