It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, l-fazzjoni Delia, qiegħda takkużża lill-fazzjoni Busuttil b’insinwazzjonijiet u tgħawwiġ tal-fatti.
Tard l-Erbgħa filgħaxija, t-tmexxija ta’ Delia ħarġet stqarrija twieġeb lill-fazzjoni Busuttil, li qegħdin jilmentaw li l-vot li se jittieħed fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju fl-aħħar Sibt tax-xahar dwar Adrian Delia mhux se jkun ġust.
L-ittra li ġiet żvelata minn One News, intbagħtet, fost oħrajn mill-ex kandidat tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo u l-ex President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, it-tnejn membri tal-ezekuttiv u ġimagħtjen ilu ppreżentaw petizzjoni b’mitejn firma ta’ kunsilliera, jitlobu vot fit-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Fl-ittra allegaw li l-mistoqsija li se jintalbu jivvotaw dwarha l-kunsillieri, inbidlet kompletament minn dik li saret fit-talba oriġinali li sejħet biex Delia bħala Kap jassumi responsabbiltà politika tar-riżultati tal-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda u jirriżenja.
Iżda t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qalu li dawn huma kollha insinwazzjonijiet u tgħawwiġ ta’ fatti mill-fazzjoni Busuttil.
Fl-istqarrija qalu li r-regoli tal-elezzjoni tal-Kunsill Ġenerali msejjaħ għas-27 ta’ Lulju li ġej huma stabbiliti mill-Istatut u minn dak li ġie deċiż fil-Kumitat Eżekuttiv.
It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qalet li fil-laqgħa tal-ezekuttiv kien l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li talab sabiex jitlaqa l-kunsill ġenerali. Dan anki jekk quddiemu kellu petizzjoni b’mitt firma ta’ kunsilliera jitolbu sabiex jisejjaħ kunsillier ġenerali u jitieħħed vot fit-tmexxija ta’ Delia.
Il-fazzjoni Busuttil qalet li l-lista ta’ Kunsilliera li se jivvutaw se tkun iffriżata mid-data li Delia sejjaħ il-Kunsill Ġenerali u mhux mid-data li tressqet il-petizzjoni. F’botta ċara lejn Jean Pierre Debono, allegaw li f’dan il-perjodu, in-nies ta’ Delia għamlu manuvri interni bi struzzjonijiet lill-Kumitati biex jinbidlu n-nies li ser ikollhom dritt għall-vot.
Bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li l-lista ta’ Kunsillieri ġiet iffriżata skont l-Istatut fl-4 ta’ Lulju 2019 id-data meta fattwalment issejjaħ il-Kunsill Ġenerali. Minn dakinhar ma’ ġew aċċettati l-ebda bidliet mill-Kumitati li ma’ seħħewx qabel dik id-data. Il-Kumitati Sezzjonali kif jippermettilhom l-Istatut u kif dejjem sar, għażlu lil dawk li se jirrappreżentawhom fil-Kunsill Ġenerali b’għażla libera, demokratika u fl-aħjar interess tal-partit skont il-fehma tagħhom.
Irrispondew għal botta li saret fil-konfront ta’ Jean Pierre Debono u qalu li l-proċess trasparenti u ġust qiegħed ikun assigurat mit-twaqqif ta’ Kummisjoni Elettorali.
“Dan bla dubju iżid is-sens ta’ trasparenza u kontabbiltà. Għaldaqstant l-insinwazzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-fatti huma miċħuda” Qalet l-fazzjoni Delia.