L-Unjoni Ewropea trid iżid il-koperazzjoni mal-Ażerbajġan. Iddikjara dan il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Donald Tusk, meta żar Baku għal iktar laqgħat mal-President Ażeri Ilham Aliyev.
Tusk iddeskriva l-Ażerbajġan bħala pajjiż uniku b’taħlitha ta’ aspetti tradizzjononali u oħrajn moderni. “L-Unjoni Ewropea tappoġġja s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ażerbajġan,” emfasizza Tusk li nnota kif iż-żewġ naħat qegħdin jiġu iktar qrib xulxin ta’ kull sena.
“Ir-relazzjonijiet tagħna intensifikaw u ż-żjara tiegħi llum hija sinjal ieħor ta’ dan,” żied Tusk li qal li n-negozjati għal ftehim bejn iż-żewġ naħat huwa eqreb lejn li jkun lest.
Issemmiet ukoll il-provvista tal-gass bħala kwistjoni oħra b’interess għaż-żewġ naħat. “Dan il-momentum pożittiv għandu jġib is-sħubija tagħna għal livelli ogħla, biex b’mod dirett igawdu l-popli tagħna,” qal Tusk f’Baku.