Libjan ta’ sitta u għoxrin sena li tlett ijiem ilu faqa’ l-ħġieġ fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei għax ma riedx jistenna, tressaq il-Qorti llum u nżamm arrestat.
Il-każ seħħ il-Ġimgħa meta l-Libjan ittieħed l-isptar b’ambulanza wara li weġġa’ idu f’Paceville, meta allegatament kien fis-sakra.
L-ispettur tal-Prosekuzzjoni xehed li l-akkużat inkorla wara li qalulu li ried jistenna biex jingħata l-kura. Żied li l-inċident ma kienx jeskala li kieku ttieħdet azzjoni biex jiqaflu d-demm.
Huwa qal li l-imputat irrifjuta li jikkalma anki meta ntervjenew żewġ uffiċjali tal-Pulizija, u tefa’ l-ponn f’tieqa u bieb fir-reception bil-konsegwenza li kisser il-ħġieġ.
Il-Libjan wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkaġuna ħsara proprjetà ta’ sptar, li hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija, li uża kliem oxxen fil-pubbliku, li kiser il-paċi pubblika, u li kien dis-sakra fil-pubbliku.
Il-Qorti kkunsidrat li l-akkużat m’għandux indirizz fiss, u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.