Rikonoxxuti għax kienu pijunieri fl-ambjent – One News

Notifiki

Rikonoxxuti għax kienu pijunieri fl-ambjent

L-eks Ministru Laburista Daniel Micallef u l-eks Segretarju Parlamentari Nazzjonalista Stanley Zammit huma ż-żewġ rebbieħa tal-premju ambjentali Buonamico.

Dan il-premju msemmi għall-ambjentalist Malti li għex fis-seklu sbatax Giovanni Francesco Buonamico ingħata taħt l-awspiċi tal-President tar-Repubblika.

Iż-żewġ rebbieħa kellhom taħt id-dekasteru politiku tagħhom l-ambjent, bit-tabib Daniel Micallef kien l-ewwel Ministru għall-Ambjent f’pajjiżna.

F’indirizz li għamel, iċ-Chairman tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Professur Victor Axiak fisser dawn iż-żewġ persuni Rabtin bħala katalisti fil-qasam ambjentali.

“Ejja niftakru li dawn ħadmu meta l-għarfien fuq l-ambjent kien nieqes ferm.”

Saħaq li Dr Daniel Micallef kien l-ewwel politiku li waqqaf l-istitut għall-ambjent u anki għamel l-ewwel assessjar ambjentali, dak iż-żmien fis-Salini.

Qal li Stanley Zammit embarka fuq kampanja edukattiva li kienet għamlet ħoss, dik ta’ Xummiemu.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja ma kienx hemm it-tabib Micallef iżda waħda minn uliedu telgħet għal premju u fissret kif missierha ħadem għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Min-naħa tiegħu, Stanley Zammit ta ħajr lil kull min ta kontribut fl-ambjent, inkluż lill-President ta’ Malta George Vella li wkoll għamel żmien jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Ambjent.

Fil-fatt f’messaġġ li għamel, il-President ta’ Malta saħaq li l-isfidi ambjentali llum huma akbar minn qatt qabel.

Huwa sellem lil dawn iż-żewġ rebbieħa li sejħilhom bħala pijunieri f’qasam li llum kulħadd irrealizza kemm huwa importanti għall-iżvilupp ta’ pajjiż.

Il-President George Vella sejjaħ il-pass għall-qalba tal-użu ta’ karozzi elettriċi bħala wieħed pożittiv iżda jeħtieġ li jsiru aktar miżuri sabiex jonqos it-tniġġis fl-arja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend