Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew għażlet il-kumitati li se tkun qed taħdem fihom tul il-ħames snin li ġejjin.
Fi stqarrija, intqal li l-MEPs tal-Partit Laburista għażlu li jkunu fuq kumitati diversi biex hekk ikunu qed jolqtu firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ interessi u setturi li huma importanti għaċ-ċittadini Maltin.
Il-PL qal li tul din il-leġiżlatura pajjiżna se jkun rappreżentant b’iktar saħħa fil-Parlament Ewropew. Dan għax għandu iktar MEPs jitkellmu favur l-interessi tiegħu, riżultat tar-rebħa storika li l-poplu Malti u Għawdxi ta lill-Partit Laburista f’Mejju li għadda. Frott din id-deċiżjoni din id-darba hemm erba’ deputati tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, se terġa’ tkun membru tal-kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza (ENVI). Se tkun membru sostitut tal-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE). Miriam Dalli se tkun qed taqdi dawn l-irwoli flimkien ma’ dak ta’ Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, kariga li kienet eletta fiha ftit tal-jiem ilu.
L-MEP Alfred Sant se jkun membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI). Se jkun ukoll membru sostitut tal-Kumitat għall-Baġits (BUDG)
L-MEP Alex Agius Saliba se jkun membru tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI). Se jkun ukoll membru sostitut fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL).
L-MEP Josianne Cutajar se tkun membru tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE). Se sservi wkoll bħala membru sostitut fuq il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REGI).
L-istqarrija qalet li d-delegazzjoni tal-Partit Laburista hija sodisfatta ferm li bħala tim tal-Partit Laburista se tkun qed tieħu sehem f’kumitati li jfasslu l-politika f’oqsma importanti ħafna għall-pajjiż gżira bħal tagħna.
Mill-ambjent, għall-ekonomija, ix-xogħol u s-settur tal-enerġija, fost oħrajn, pajjiżna għandu s-serħan il-moħħ li hemm MEP tal-Partit Laburista li fis-snin li ġejjin se jibqgħu jġibu dejjem l-interess tan-nies u dawk nazzjonali qabel dawk partiġjani, temmet tgħid l-istqarrija.