Il-viżjoni li għandu l-gvern għat-tkabbir tal-Air Malta se twassal biex il-linja nazzjonali tal-ajru jkollha futur mill-isbaħ.
Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt avveniment fil-lukanda Corinthia ta’ Praga li matulha tfakkru għoxrin sena ta’ titjiriet bejn pajjiżna u l-Kapitali Ċeka.
Dr Muscat fisser li din ir-rotta ilha topera għal kważi nofs l-eżistenza tal-Air Malta u li dan huwa tragward ieħor milħuq mil-linja tal-ajru Maltija.
Fisser li l-gvern ma jqisx biss lill-Air Malta bħala vitali għal pajjiżna iżda anka bħala pont bejn Malta u l-bqija tal-Ewropa u lil hinn.
Huwa fakkar kif wara proċess ta’ ristrutturar, il-linja tal-ajru żiedet ajruplani ġodda u bdiet ittir fi swieq u destinazzjonijiet ġodda. Dawn wasslu biex għall-ewwel darba fi tmintax-il sena l-Air Malta għamlet profitt.
Għas-snin li ġejjin, Dr Muscat spjega li l-Air Malta qed tħares li tkun il-linja tal-ajru tal-Mediterran. Dan billi toffri servizz aħjar u ttir lejn destinazzjonijiet iktar imbiegħda bħall-Istati Uniti, l-Indja u l-Afrika.
Il-Prim Ministru qal li dan se jwassal għal titjib mhux biss għall-linja tal-ajru iżda lill-ekonomija Maltija. Fl-aħħar nofs seklu l-Air Malta tat kontribut sinifikanti fit-turiżmu li huwa mutur ewlieni fl-ekonomija.
Dr Muscat qal li minkejja t-tkabbir ekonomiku sostnut, it-turiżmu baqa’ jilgħab irwol kruċjali fl-ekonomija Maltija hekk kif baqa’ jżomm postu minkejja l-emerġenza ta’ setturi innovattivi.
Sostna li għalhekk, l-irwol tal-gvern anka permezz tal-Air Malta huwa li s-settur turistiku jibqa sostnut.
Dr Muscat rrefera wkoll lejn il-lukanda Corinthia bħala eżempju ta’ kif negozju Malti jista’ jikber u jistabbilixxi ruħu internazzjonalment. Huwa esprima l-kburija tiegħu li isem bħal Corinthia, magħruf għall-prodott lussuż li joffri, itajjar il-bandiera Maltija f’diversi bliet madwar id-dinja.
Matul l-avveniment tkellem ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li qal li fit-tliet xhur li ġejjin il-gvern se jħabbar dik li sejjaħ il-viżjoni 2025 għat-turiżmu. Din l-istrateġija, li għandha l-għan li ssostni u tifrex it-turiżmu madwar is-sena kollha, se tinkludi l-pjan ta’ investiment għall-Air Malta li l-gvern huwa kommess li jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea.
L-istorja tal-Air Malta ma’ Praga bdiet fl-4 ta’ Mejju 1999 b’titjira fil-ġimgħa fis-sajf. B’żieda sena wara sena fl-ammont ta’ persuni fuq din ir-rotta, fl-2016 żdiedet titjira oħra.
Hekk kif is-sena li għaddiet din ir-rotta ġarret iktar minn 24,000 passiġġier, iċ-chairman tal-Air Malta Dr. Charles Mangion ħabbar li għall-ewwel darba din se tkun estiza għax-xhur xitwin.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal li permezz ta’ rabtiet ikbar ma’ pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka, iwasslu għal iktar opportunitajiet ta’ kummerċ għal Malta.