Pierre Portelli ddikjara li ffirma l-petizzjoni biex il-Kunsill Ġenerali jieħu passi fil-konfront ta’ deputati li qegħdin jaħdmu kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Qal dan huwa u dieħel fid-Dar Ċentrali fejn bħalissa qiegħed jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Il-laqgħa bdiet fis-sitta u nofs tal-lejla u qiegħda ssir f’mument ta’ tensjoni kbira bejn il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil.
Il-jum tal-Hamis kien jum ieħor ikkaraterizzat minn ġlied u t-tgħajjir bejn iż-żewġ fazzjonijiet. Siegħa qabel il-bidu tal-laqgħa, Graziella Attard Previ rtirat in-nomina tagħha għall-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn l-aħħar żviluppi ikomplu juru l-baħar ta’ inkwiet li jinsab fih bħalissa il-Partit Nazzjonalista. Dan wara l-petizzjoni minn 200 kunsillier issejjaħ għar-riżenja ta’ Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista wara l-akbar żewġ telfiet elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.