L-involviment tal-membri tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali sabiex jinbena l-futur tal-Mediterranean u ż-żgħażagħ għandhom ikunu fil-qalba tas-soluzzjonijiet għall-isfidi li qegħdin naffaċċjaw. Dan kien il-messaġġ mill-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt li kien qed jindirizza ir-4 Forum tal-Mediterran imsejjaħ MedThink Forum 5+5 Dialogue bit-tema tal-alleanzi innovattivi qalb il-punent tal-mediterran. Il-Ministru qal li l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili għandha l-potenzjal li tgħaqqad l-10 membri tal-puntent tal-Mediterran sabiex jaħdmu iżjed qrib xulxin għall-benefiċċju tar-reġjun.
Il-Ministru Abela tkellem dwar l-importanza li l-pajjiżi tal-Mediterran joħolqu ambizzjonijiet u opportunitajiet ġodda bl-innovazzjoni billi jaħdmu flimkien għal formazzjoni ta’ partnerships mal-Gvernijiet u s-soċjetà ċivili fost atturi oħrajn.
“In-nies iridu l-istabilità, is-sigurtà l-iżvilupp ekonomiku. Xogħolna bħala l-politiċi tal-Mediterran huwa li nipprovdu dan”. Semma’ l-importanza li l-pajjiżi tal-Mediterran jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom u jaħdmu flimkien għal iżjed sostenibilita’ għal futur aħjar. Il-Ministeru Abela rrefera l-importanza li intrapriżi żgħar u medji għandhom fl-ekonomija tal-Mediterran u ħeġġeġ l-istituzzjonijiet internazzjonali finanzjarji biex ikollhom l-faċilità neċessarja ta’ sostenn finanzjarju għal sme’s sabiex dawn ikomplu jikbru u jespandu.
Il-Ministru Abela tkellem kif il-Mediterran huwa l-qalba tal-politika barranija ta’ Malta u fakkar kif Malta kif waħda mill-ewwel pajjiżi li elenkat li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropea mingħajr ma jkun hemm stabbiltà fil-Mediterran. “Nafu x’inhuma l-isfidi kurrenti u futuri tan-nies tal-Mediterran. Nafu wkoll is-soluzzjonijiet sabiex inkomplu nindirizzaw l-aspetazzjonijiet tan-nies”, qal il-Ministru Abela.
Huwa tkellem ukoll fuq kif l-immigrazzjoni qed taffetwa r-reġjun tal-Mediterran. Huwa ħeġġeġ il-pajjiżi tal-mediterran sabiex jaħdmu iżjed flimkien sabiex jinstabu soluzzjonijiet fil-fora internazzjonali. Huwa appella għal iżjed fiduċja u qsim ta’ informazzjoni bejn il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi sabiex isaħħu s-sigurta’ tal-fruntieri u s-solidarjeta’ bejniethom.
Dan il-forum qed jiġi organizzat mill-European Institute of the Mediterranean u l-Union for the Mediterranean bil-kollaborazzjoni tal-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies. Fil 5+5 dialogue hemm dawn il-pajjiżi: l-Alġerija, Franza, l-Italja, l-Libja, Malta, Mauritania, Marokk, Portugal, Spanja u t-Tuneżija. L-għan huwa t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi Ewropej u l-Arab Maghreb Union.