Maximillian Ciantar ta’ 27 sena mill-Marsa ġie kkundannat sena ħabs wara li nstab ħati li f’Settembru ta’ sentejn ilu għamel allegazzjonijiet foloz dwar uffiċjali tal-Pulizija. Madankollu huwa ġie lliberat minn żewġ akkużi oħra minħabba żball fid-data tal-akkuża u li baqa’ ma ġiex ikkorreġut mill-Prosekuzzjoni.
Il-każ seħħ fit-28 ta’ Mejju ta’ sentejn ilu meta Ciantar kien qiegħed jiġi arrestat wara li ntlemaħ isuq karozza mingħajr liċenzja valida tas-sewqan.
Fil-qorti ħareġ li Ciantar beda jipprova jweġġa’ lilu nnifsu fi sforz biex jagħti l-impressjoni li huwa ġie msawwat mill-pulizija. Ingħad li Ciantar beda jilwi jdejh waqt li kien bil-manetti fi sforz biex jikser idu jew il-polz. Apparti dan waqt li kien fl-Għassa tal-Ħamrun beda jħabbat rasu mal-ħajt biex jaqsam rasu tant li kellu jitwaqqaf mill-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduata mill-Maġistrat Joe Mifsud qalet li Ciantar kien qed jagħmel dan biex jitfa’ dell iktrah fuq il-Pulizija li kienu arrestawh u eventwalment anke jakkużahom b’dan l-għemil fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti nnotat li Ciantar ġie arrestat b’forza minima neċessarja wara li biddel l-atteġġjament tiegħu.
Madankollu l-Qorti ma setax issibu ħati tal-ewwel akkuża għax kienet iġġib id-data tat-28 ta’ Settembru 2017 biss u mhux għall-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel. Dan meta l-każ seħħ fit-28 ta’ Mejju 2017.
Il-qorti nnotat li l-Uffiċjal Prosekutur fl-ebda ħin ma kkoreġa l-iżball.
Il-Maġistrat Mifsud sostna li d-data tal-allegat reat trid kun preċiża u għalhekk ma setax isibu ħati tagħha.
Hawnhekk ġibed l-attenzjoni tal-Prosekuzzjoni li ċertu żbalji fil-mod kif jitmexxa l-każ ma jistgħux jiġu ttollerati.
Qal li l-Prosekuzzjoni għandha tħejji l-akkuża skont il-paramentri stabbiliti u ma jistax ikun li bi traskuraġni dawn ma jiġux segwiti.
Dwar l-istqarrija li ta lill-Pulizija, il-qorti qalet li Ciantar kien konxju li dawn ir-reati ma seħħewx.
Sostna li f’pajjiżna ma jistax ikun li nibqgħu nittolleraw li nfarrku persuni bl-allegazzjonijiet foloz b’dannu kbir għaliha u għal qrabatha.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti sabet Ciantar ħati ta’ din l-akkuża u bagħtitu sena ħabs, li hija l-massimu li seta’ jiġi kkundannat għal din l-akkuża.