Is-settur tal-manifattura f’Malta dejjem qed ikompli jibker u qed jitlob iktar oriġinalità u kreattività. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Neġozji Żgħar Chris Cardona meta żar is-sit tal-manifattura tal-istages kollha tal-festivals United with Tomorrowland.
Il-kumpanija Maltija, Signature Entertainment Group rebħet din l-opportunità sabiex tibni l-palkijiet fl-erba’ pajjiżi li ser jipparteċipaw, fuq il-bażi tal-prezz, kwalità tax-xogħol propost u kunċett artistiku.
Il-Ministru Cardona stqar li da nil-proġett huwa eżempju ċar tal-kwalità u l-professjonaliżmu tas-settur tal-manifattura f’Malta, li huwa kapaċi jikkompeti u joffri prodott fost l-aqwa fl-Ewropa.
Unite with Tomorrowland jikkonsisti f’numru ta’ festivals li jseħħu f’diversi pajjiżi f’daqqa permezz tas-satellita u huwa magħrufa għall-orġinalità u l-kreattività tal-armar tal-faċċati tal-palkijiet tagħhom. Din is-sena se jkun hemm 4 pajjiżi li jieħdu sehem; il-Portugall, Spanja, il-Greċja u Malta.
“Il-manifattura f’pajjiżna ser ikompli jmur lil hinn mill-manifattura ta’ valur baxx u huwa essenzjali li nkomplu nħarsu lejn modi kif nintroduċu prodotti u proċessi ta’ valur għoli. Hawnhekk l-irwol tal-kreattività u innovazzjoni fil-prodott Malti huwa importatni sabiex is-settur jimxi u javvanza ’l quddiem u sabiex nkomplu nikkompetu f’suq globali,” stqar il-Ministru Cardona.
“Bl-avvanz fit-teknoloġija speċjalment ir-rivoluzzjoni diġitali, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, l-industriji kreattivi u bbażati fuq l-għarfien, ser ikompli joħorġu fost l-iktar setturi dinamiċi tal-ekonomija.”
Il-Ministru awgura lill-ħaddiema u sellmilhom hekk kif bi sforzi tagħhom, qed ikomplu innaqxu isem Malta f’dan is-settur bħala ċentru ewlieni għall-bini u l-manifattura għall-festivals kbar li jseħħu madwar id-dinja, li jammontaw għal madwar 880 kull sena.