Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera, fis-sigħat li għaddew, talab lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lil Ambjent Malta sabiex issa li n-nirien ġew kontrollati u mitfija, b’mod immedjat jibda eżerċizzju ta’ analiżi tal-ħsara li saret min-nirien li ħakmu ż-żona tal-Miżieb ilbieraħ 22 ta’ Ġunju, 2019. Dan għandu jwassal ukoll sabiex jiġi identifikat pjan biex iż-żona tiġi riġenerata bl-aħjar mod possibbli u b’interventi li jħallu l-inqas impatt ekoloġiku.
Il-Ministru Herrera jsostni li filwaqt li f’dan l-istadju għadu mhux magħruf x’wassal għall-kawża tan-nirien li ħakmu, ikun għaqli li bħala punt ġenerali l-pubbliku joqgħod ferm attent biex ma jarmix skart f’dawn it-tip ta’ postijiet, jevita għal kollox li jitqabbdu xi nirien, kif ukoll ikun aktar kawt f’dak kollu li jkun qiegħed jagħmel biex jiġu evitati incidenti bħal dawn.