Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo mar fuq il-midja Nazzjonalista u żvela dettalji mil-laqgħa tal-grupp parlamentari li saret it-Tlieta li għadda.
Arrigo li fl-aħħar ġimgħat kisirha ma’ Jean Pierre Debono, ikkonferma li kien hemm deputati li lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qalulu biex jieħu vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu. Imma skont
Arrigo għadd m’hemmx nies ta’ stoffa fil-Partit Nazzjonalista li jistgħu jieħdu post Adrian Delia.
“Kien hemm min qal all right qegħdin ngħidu biex imur għal vot ta’ fiduċja, imma hemm alternattiva? hemm xi ħadd li jrid jidħol u jgħaqqad. Iġib il-flus u jirbaħ żgur. Fil-każ nagħtih posti jien għax jien irid nara lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern”, qal Arrigo.
Żied li fil-Partit Nazzjonalista qatt ma ttieħdu voti ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ Kapijiet Nazzjonalisti. La meta l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami tilef l-elezzjoni ġenerali tal-1996, la meta
Lawrence Gonzi tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali u lanqas meta Simon Busuttil tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
“Qatt ma kien hemm vot ta’ sfiduċja. Ma nafx għalxiex illum dan l-għagħa kollu biex nagħmlu hekk”, qal Arrigo.
Anki jekk f’xi waqtiet Robert Arrigo deher jiddefendi lil Delia, il-viċi kap nazzjonalista farfar u qal li hu ma vvotax għalih fit-tellieq għall-Kap Nazzjonalista.
“Jien ma vvutajtx lil Adrian”, qal Arrigo.
Sabiex jintgħoġob mal-fazzjoni tal-eks kap Simon Busuttil, Robert Arrigo qal li hu ried lil Simon Busuttil jibqa’ Kap Nazzjonalista.
Simon erba’ snin huma ftit wisq. Jien kont wieħed minn dawk li ridtu jibqa’.