L-Imħallef Francesco Depasquale appella biex il-qrati jkunu fuq quddiem f’kampanja biex il-poplu jkun iktar infurmat dwar id-deċiżjonijiet tal-qrati.
Huwa għamel din id-dikjarazzjoni waqt l-ewwel seduta tiegħu bħala mħallef.
“Jeħtieġ li jinstab mezz biex il-qrati jkunu iktar media savvy fid-dinja tal-lum u possibilment jista’ jsir kemm jekk jiġi kkreat uffiċċju ta’ komunikazzjoni għal qrati u iktar importanti kampanja edukattiva fit-tul dwar il-liġijiet u d-deċiżjonijiet tal-qrati u l-operat inġenerali tal-qrati. L-edukazzjoni hija s-sigriet ta’ kollox,” spjega l-Imħallef.
Fl-indirizz tiegħu, l-Imħallef Depasquale attakka wkoll dik li sejjaħ bħala assurdità, ta’ dawk li jużaw il-midja soċjali sabiex ixerrdu materjal mingħajr verifika.
“Qed naslu f’assurdità li dak li ngħidu fuq is-social media mingħajr ebda tip ta’ verifika u possibbilment b’intenzjoni qarrieqa jekk mhux distabilizzanti, qed jittieħed bħala vanġelu mingħand kulħadd,” qal Dr Depasquale.
L-Imħallef Depaqsuale li għamel snin twal fuq il-bank tal-maġistrati u qal li hawn isir xogħol kruċjali fil-kamp kriminali li ma jiġix apprezzat, anzi mkasbar anke b’theddid.
“Huma ftit dawk li japprezzaw it-toqol tax-xogħol tal-Maġistrat, liema xogħol ikollhom jagħmluh fi skiet u mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr ma jippretendu grazzi mingħand ħadd u anzi ġeneralment jiġu kkritikati minn nies li ftit li xejn ikollhom idea tal-fatti tal-każ aħseb u ara l-konsegwenzi legali tal-każ,” saħaq l-Imħallef.
F’awla 22, fil-preżenza tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi, uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, membri tal-ġudikatura, avukati u qraba, l-Imħallef qal li se jagħmel sforz biex iwettaq ġustizzja fi żmien raġjonevoli.
Huwa ta ħajr lill-Ministru Bonnici tal-ħidma tiegħu sabiex il-ħidma tal-qorti titjieb, filwaqt li qal li m’għandux dubju li t-talba għal pjan ta’ investiment fil-qorti sabiex din tkompli tissaħħaħ, diġa qiegħda tintlaqa’.
“Għalhekk huwa fl-aħjar interess ta’ kulħadd li tali pjanijiet ta’ investiment fit-tul isiru u mill-aktar fis possibbli u m’għandix dubju li dan diġa qed isir,” saħaq Dr Depasquale.
Dr Depasquale temm is-seduta inawgurali tiegħu billi wiegħed li fil-ħidma tiegħu se jżomm fuq quddiem ir-rispett lejn il-bniedem.
“Inżomm quddiem għajnejja li kull ċittadin huwa uman, u jixraqlu jiġi ttrattat b’rispett u dinjità,” qal l-Imħallef.