Minn dalgħodu s-sewwieqa bdew jgħaddu minn fuq l-ewwel nofs tal-pont il-ġdid ta’ Triq il-Wied fl-Imsida wara li twessgħet Triq Reġjonali.
Ix-xogħol li beda f’Novembru li għadda jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid u twessigħ ta’ parti mit-triq b’sitt karreġġjati, bi tlieta f’kull direzzjoni.
Fix-xhur li għaddew twaqqgħet parti mill-pont u nbnew ħitan ħoxnin ġodda tal-ġnub tal-istruttura. Segwa t-tqiegħed ta’ travi li ffurmaw il-gverta ġdida tal-pont. Dan il-pont ġdid mistenni jkunu wieħed mill-iżjed strutturi wesgħin tax-xorta tiegħu f’Malta b’wisgħa ta’ aktar minn tlieta u għoxrin metru.
Fl-aħħar jiem, Infrastruttura Malta li hija responsabbli mill-proġett ksiet it-travi bil-konkos qabel ma saru s-saffi ta’ materjali ta’ pedament u asfalt biex ġew ifformati l-ewwel korsiji.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li bil-korsiji l-ġodda fi Triq Reġjonali, se titjib is-sigurtà f’għadd ta’ junctions li hemm f’din iż-żona traffikuża bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel tal-pajjiż. Dan il-proġett mistenni jtejjeb ukoll il-kapaċità u l-effiċjenza billi se jonqos il-ħin tal-istennija għad-dħul u l-ħruġ minn din it-triq.