Waqt konferenza stampa s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri ta dettalji dwar l-iskema ffinanzjata fuq livell nazzjonali bil-għan li tipprovdi għajnuna finanzjarja mill-Gvern għal parti mill-ispejjeż assoċjati mat-tiswija u/jew it-tibdil ta’ ċerti strutturi li ġarrbu ħsara kawża tal-maltemp qawwi li laqat lill-Gżejjer Maltin nhar it-23 u l-24 ta’ Frar, 2019, u li seta’ jiġi mqabbel ma’ diżastru naturali.
Dan waqt żjara fl-uffiċini tal-ARPA fil-Pitkalija minn fejn il-bdiewa bdew japplikaw għall-assitenza finanzjarja mil-lum u se jkunu jistgħu jibqgħu japplikaw sal-aħħar ta’ Settembru, meta tagħlaq l-iskema.
Camilleri ħabbar li b’kollox kienu approvati €3.5 miljun filwaqt li elenka l-fażijiet tal-proċess kollu fejn qal li l-ewwel kellu jiġi assessjat x’tip ta’ danni kien hemm. Wara dan sar proċess biex jiġi stabbilit jekk pajjiżna kienx eliġibbli għall-Fondi Ewropej. Hawn spjega li minħabba li pajjiżna ma kienx eliġibbli, il-Gvern ried jara kif seta’ jgħin b’fondi nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li issa bdiet it-tielet fażi fejn il-bdiewa li ġarrbu l-ħsarat jistgħu japplikaw b’mod dirett biex wara li jiġu assessjati l-ħsarat li saru, dawk li huma eliġibbli jieħdu l-fondi neċessarji. Ir-rata massima għal finanzjament tal-ispejjeż eliġibbli hija sa 45%.
Clint Camilleri sostna li “din mhux biss hija l-ewwel darba li l-Gvern qed jgħin b’mod dirett, iżda fassal qafas biex dan il-proċess isir b’mod aktar effiċjenti f’każ li jerġa’ jkun hemm bżonn.”
Fis-26 ta’ Frar 2019 kien infetaħ freephone sabiex sajjieda, bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin setgħu jikkomunikaw mad-Dipartimenti konċernati għal kull tip ta’ assistenza u informazzjoni li kellhom bżonn marbuta mal-maltemp qawwi li kien ħakem lil pajjiżna. Id-Dipartiment tal-Agrikoltura spezzjona diversi żoni sabiex jiġu identifikati l-ħsarat li saru.
Is-Segretarjat Parlamentari temm jgħid li dan kollu juri bil-fatti li l-Gvern irid isostni dawn is-setturi u kien għad-dispożizzjoni tal-bdiewa, tar-raħħala u tas-sajjieda fl-iktar żmien difficli għalihom u għas-settur.
Spejjeż Eliġibbli
• Spejjeż assoċjati mat-tiswija u / jew bdil ta’ serer jew tunnels.
• Spejjeż għall-bini mill-ġdid / restawr ta’ ħitan tal-ġebel niexef (dry stone walls) u ħitan tas-sejjieħ li jilqgħu l-ħamrija.
• Spejjeż assoċjati mat-tibdil / tiswija ta’ mtieħen tradizzjonali tal-ilma.
• Xogħol tal-ġebel jew tal-azzar biex jinbidlu u / jew jissewwew ħsarat imġarrba fl-irziezet kif irreġistrati mal-VPRD.
• Spejjeż magħmula għaċ-ċertifikazzjoni minn perit bil-warrant sa massimu ta’ 5% tal-ispejjeż eliġibbli.