Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li l-ministeru qiegħed għal darba oħra jniedi il-Work Trial Scheme For Youths. Din l-iskema hi mmirata għaż-żgħażagħ bl-għan li dan is-sajf ikollhom opportunità li jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol ma’ entitajiet privati u organizzazzjonijiet non-governattivi.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-gvern, qed jinvesti ħafna fiż-żgħażagħ u qed jagħti widen u jilqa’ s-suġġerimenti u l-messaġġ b’saħħtu li din il-faxxa hekk importanti fis-soċjetà qed tgħaddi. Il-Ministru Caruana semmiet kif kull ma jmur id-dinja tax-xogħol qed tinbidel u għalhekk jeħtieġ li l-istudenti jkunu preparati u mħarrġa.
Il-Ministru Caruana qalet ukoll li permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti jistgħu jaħdmu kemm mal-privat kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji, biex b’hekk jiżdiedu l-valuri kemm tal-ħidma kif ukoll tar-rispett u s-solidarjetà. Permezz ta’ din l-iskema, l-istudenti ser ikollhom stipendju ta’ 85 ewro fil-ġimgħa, żieda ta’ 10 ewro fuq is-sena preċedenti, għal total ta’ 425 ewro f’ħames ġimgħat.
Din l-iskema ser isservi wkoll ta’ inċentiv biex is-settur privat jimpjega lill-istudenti matul is-sajf għaliex ħames ġimgħat minnhom ser jiġu finanzjati mill-Ministeru għal Għawdex.
L-iskema tidħol fis-seħħ mill-5 ta’ Awwissu li ġej u tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ Settembru. L-applikazzjonijiet jinfetħu t-Tnejn, 1 ta’ Lulju u jagħlqu l-Ġimgħa 5 ta’ Lulju. L-applikazzjonijiet huma disponibbli u jridu jiġu sottomessi online minn fuq is-sit www.mgoz.gov.mt jew mill-mobile app ‘mygozo’.