L-eżami tal-Malti għall-istudenti fl-iskola medja ta’ Santa Margerita f’Bormla ġie, għadda u mar mingħajr ħafna inkwiet.
L-istudenti f’din l-iskola kienu fost għexieren li kienu se jintlaqtu minn tilwima industrijali bejn l-Unjin tal-Għalliema l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, dwar l-ammont ta’ sigħat li l-għalliema huma mitluba jgħallmu.
It-tilwima industrijali, kienet tinkludi direttiva biex il-karti tal-eżami ma jsirux mill-għalliema.
Din kienet se twassal biex l-istudenti jiċċaħħdu milli jagħmlu l-eżami tal-aħħar tas-sena kemm fil-Malti u kemm fil-Matematika.
Madanakollu, saru arranġamenti mill-Ministeru sabiex l-istudenti xorta waħda jkunu jistgħu jagħmlu eżami li jkejjel il-progress tagħhom matul is-sena.
Studenti li tkellimna magħhom ftit tal-ħin wara li għamlu l-eżami qalulna li setgħu iwieġbu dak li ġew mistoqsija u li b’mod ġenerali l-eżami kien wieħed tal-livell tagħhom.
Il-karti tal-eżami saru u se jkunu kkoreġuti minn uffiċjali mqabbda mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.