Transport Malta ffirmat Memorandum of Understanding mal-Awtorità tas-sistemi tal-port tal-ibħra tal-Lvant ta’ Sqallija. L-għan tal-ftehim iffirmar huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, minħabba li t-tnejn li huma responsabbli mill-portijiet rispettivi tagħhom.
L-iskop aħħari huwa li jkunu provduti servizzi u faċilitajiet siguri u effiċjenti, li l-awtoritajiet jibqgħu relevanti quddiem l-isfidi teknoloġiċi u l-bidliet li jridu l-konsumaturi, li jkollna portijiet li jkunu nnovattivi u aktar customer-oriented, li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq internazzjonali u li jkunu żviluppati inizjattivi ambjentali vis-a-vis l-obligazzjonijiet li għandna fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Permezz ta’ dan il-ftehim il-partijiet se jkunu qed jikkoperaw u jaqsmu r-riżorsi biex jilħqu dawn l-għanijiet msemmija.
Min naħa tiegħu ċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Joseph Bugeja, qal li wara xhur ta’ diskussjoni u ħidma, dan huwa pass pożittiv li permezz tiegħu ż-żewġ awtoritajiet se jkunu qed ikabbru l-għarfien tagħhom biex itejjbu l-operat f’dawn l-oqsma. B’dan il-ftehim huwa validu għal tliet snin.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm iċ-Ċermen u l-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta s-Sur Joseph Bugeja, il-Harbour Master u Kap tal-Marine Unit il-Kaptan David Bugeja, ic-Chief Officer is-Sur David Sutton u r-Registrar General of Shipping and Seamen is-Sur Ivan Sammut. Id-delegazzjoni minn Sqallija kienet iffurmata mis-Sur Andrea Annunziata, President tal-Eastern Sicily Port System, is-Sur Massimo Scatà, Kap tal-Uffiċċju tal-Affarijiet Ġenerali u s-Sinjura Silvia Guzzi, Analista tal-Palermo Management System Certification.