Wara xhur ta’ konsultazzjoni pubblika li saret bejn Frar u Marzu li għadda, il-maġġoranza tal-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri għażlu li l-uniformi xierqa hija l-uniformi tkun tracksuit komda u ta’ kwalità, li jinkludi fiha poloshirt, t-shirts, beritta u ġakketta tax-xitwa.
Il-Ministru qed jagħżel li jonora l-għażla tal-maġġoanza li kienet ċara biex issir bidla għall-uniformi komda u sportiva għall-istudenti.
Il-Ministeru qal li parti mill-proċess se jkun ta’ phasing-in tal-uniformi l-ġdida u għaldaqstant se jkunu qed isiru arranġamenti dwar meta tidħol fis-seħħ biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm piżijiet żejda fuq il-ġenituri.
Il-Ministeru qiegħed jinforma lill-iskejjel u lill-ġenituri li mis-:
- Sena Skolastika 2019/2020: Ser tinżamm l-uniformi preżenti, waqt li l-ġenituri ser ikunu jistgħu jibgħatu lill-uliedhom bit-tracksuit, inkluż poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa tal-uniformi attwali.
- Sena Skolastika 2020/2021: It-tracksuit il-ġdida, inkluz poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa ser tkun qed tidħol fil-Kindergarten 1, Year 1, Year 7 u Year 9 mis-sena skolastika 2020-2021.
- Sena Skolastika 2021/2022: Kull student jattendi l-iskola bit-tracksuit il-ġdida, inkluż poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta tax-xitwa.
Bħalissa l-Ministeru qed jikkonsulta internament ma’ uffiċjali inkarigati dwar l-aħjar għażliet fid-disinn u l-materjal li għandha jkollha t-tracksuit biex tkun waħda komda u addattata għall-iskola. Saret konsultazzjoni interna wkoll dwar kif l-aħjar li għandha tiddaħħal l-uniformi l-ġdida gradwalment sabiex ma jkunx hemm piż żejjed fuq il-familji.
Id-disinn tat-tracksuit il-ġdida għall-primarja u għas-sekondarja (inkluż tal-medja) ser ikollhom xi dettalji li jvarjaw fid-disinn tagħhom. Kull Kulleġġ tal-Istat ser ikollu dettalji u skemi ta’ kulur partikolari sabiex jibqa’ jkollhom identita’ li tidentifika lill-Kulleġġ tagħhom.
Dawn l-għażliet saru dejjem bil-ħsieb li nkomplu nagħmlu uniformi aktar affordabbli imma fl-istess waqt ta’ kwalita’ u sabiħa.
Id-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet tal-uniformi ġew fdati l-istudentui tal-MCAST, taħt id-direzjoni u l-assistenza tal-għalliema tagħhom. Dan l-eżerċizzju għaddej bħalissa u mistenni jkun finalizzat matul dan is-sajf.
Wara li jkunu finalizzati d-diżinji l-ġodda u d-dettalji tal-materjal, jinbeda l-proċess tal-għażla tal-fornitur. Sabiex jintgħażel il-fornitur tal-uniformijiet, il-Ministeru se jkun qed jippubblika request for proposals biex ikun jista’ jintagħżel l-offerent li jonora l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitlubin bl-aħjar offerta finanżjarja. Dettalji dwar min ser jintagħżel permezz tar-request for proposals u jkun qed jissupplixxi t-tracksuit bħala l-uniformi l-ġdida jkunu pubbliċi hekk kif jiġi finalizzat dan il-proċess.
Waqt l-konsultazzjoni li saret bejn l-1 ta’ Frar u t-18 ta’ Marzu 2019:
- 85% tal-istudenti mill-primarja li ħadu sehem f’focus groups, marru għall-għażla ta’ uniformi li tkun tracksuit komda u ta’ kwalita’. Dawn il-focus groups saru f’20 skola primarja mqassma fl-10 Kulleġġi, 2 f’kull Kulleġġ.
- 91% tal-istudenti mill-iskejjel medji u sekondarji taw l-għażliet tagħhom favur it-tracksuit permezz ta’ survey onlajn.
- 89% tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Istat huma favur it-tracksuit bħala uniformi.
- 77% ta’ edukaturi li huma wkoll ġenituri għażlu t-tracksuit bħala uniformi.
- 56% tal-edukaturi li pparteċipaw fis-survey huma wkoll favur it-tracksuit bħala uniformi.
Il-konsultazzjoni mal-ġenituri u l-edukaturi saret permezz ta’ survey online.
Sadanittant, min jixtieq jistaqsi xi mistoqsija dwar l-uniformi jista’ jċempel fuq 153.