Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern, l-Università ta’ Malta u l-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa għal proġett “Equal” li għanu l-għand li jkompli fuq il-passi li qed jieħu pajjiżna sabiex ikollu rappreżentanza ugwali fil-Parlament u l-ħajja pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli spjegat kif dan il-proġett qed jinvesti €350,000 minn fondi Ewropej sabiex permezz ta’ kampanji u diversi inizjattivi oħra jitkattar il-proċess tar-riforma li se tara eventwalment parlament maqsum ugwalment bejn in-nisa u l-irġiel.
“Il-proġett preżentat fuq livell Ewropew ingħata fondi mill-Unjoni Ewropea. B’kollox hemm €350,000 li se jkunu qed jintużaw b’rabta fost l-oħrajn din ir-riforma li l-pajjiż qed jiddiskuti u nħares ‘il quddiem biex inkomplu nagħtu aktar riżultati u finalment nilħqu l-miri tagħna b’din ir-riforma,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Waqt business breakfast, is-Segretarju Parlamentari nnotat kif kien hemm interess qawwi fl-aħħar għaxar ġimgħat fir-riforma proposta.
Spjegat kif il-kumitat tekniku għat-tisħiħ tad-demokrazija tkellem ma’ diversi persuni fejn il-proposti li saru jittieħdu f’konsiderazzjoni fir-rapport li l-kumitat se jressaq lill-Kabinett.
“Bħalissa se jibda eżerċizzju intern mill-kumitat tekniku f’din ir-riforma li se janalizza l-feedback kollu li daħal, kemm mill-partiti politiċi, individwi u għaqdiet differenti. Wara l-kumitat se jippreżenta r-rapport lill-Kabinett biex inkunu nistgħu naraw it-triq ‘il quddiem minn hemmhekk xi tkun,” qalet Farrugia Portelli.
Tkellem ukoll l-Aġent President ta’ Malta Anġlu Farrugia fejn saħaq kif mitt sena wara s-Sette Giugno li witta t-triq għad-demokrazija Parlamentari f’pajjiżna, issa hemm bżonn li jkun hawn rappreżentanza ugwali.
Fisser kif mill-1947 lil’hawn pajjiżna qajla għamel pass biex tiżdied ir-rappreżentanza feminili fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Huwa talab sabiex il-partiti politiċi flimkien mal-parlament jintrabtu li jsiru r-riformi neċessarji sabiex għax ma hemmx iżjed żmien x’jinħela.
“Il-Parlament irid jara flimkien mal-partiti politiċi li jsiru l-emendi neċessarji, legali u kostituzzjonali biex allinqas ikun hemm deċiżjonijiet temporanji biex ikollna parteċipazzjoni tan-nisa. B’hekk inkunu qedgħin addressing the issue,” saħaq Dr Farrugia.
Ayla Van Heel, uffiċjal tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, faħħret l-isforzi li qed jieħu pajjiżna biex f’pajjiżna jkollu rappreżentanza iżjed bilanċjata fil-politika.
Fissret kif dawn il-passi huma konformi mal-pjan ta’ azzjoni tal-OSCE ppubblikat fl-2004 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jibnu fuq rakkomandazzjonijiet li kienu saru qabel.