Fl-aħħar stħarriġ li sar mill-Awtorità tax-Xandir li saru matul Marzu li għadda, l-aħbarijiet ta’ ONE laħqu udjenza massima ta’ 75,464 telespettatur, żieda ta’ aktar minn 9,400 telespettatur meta mqabbel mal-istħarriġ li sar f’Ottubru li għadda. L-istħarriġ wera wkoll li l-istazzjonijiet ONE żammew posthom fost l-iktar segwiti, b’udjenzi b’saħħithom li jlaħħqu l-eluf u jaqbżu bil-kbir dawk ta’ NET NEWS.
Fi ġranet minnhom, l-udjenzi jkunu ferm iktar mid-doppju. L-udjenza medja ta’ ONE NEWS bejn it-Tnejn u l-Ħadd kienet ta’ 57,230 telespettatur, filwaqt li dik ta’ NET NEWS kienet ta’ 22,394. Waqt li fil-jum tat-Tnejn, ONE NEWS kellu udejnza massima ta’ 75,464, dik ta’ NET NEWS kienet ta’ 30,546. Din ix-xejra tkompli matul is-sebat ijiem tal-ġimgħa, fost oħrajn bid-differenza tispikka wkoll fil-jiem tat-Tlieta, il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt.
Il-programm Pjazza ppreżentant minn Karl Stagno Navarra baqa’ l-aktar popolari mill-istazzjonijiet lokali kollha fil-ħin tiegħu b’udjenza medja ta’ 22,000. Il-programmi Aġenda, ONE Breakfast u Paperscan komplew isaħħu wkoll l-udjenzi tagħhom. Dan filwaqt li l-iktar drama popolari fuq ONE kienet Division 7, b’udjenza li taqbeż it-63,00 telespettatur. Fil-faxxa ta’ waranofsinhar, il-programm Kalamita kompla jkun segwit minn eluf ta’ Maltin.
L-istħarriġ wera wkoll li ONE Radio żamm postu bħala l-aktar stazzjon tar-radio segwit b’24.9% segwit minn Bay Radio b’udjenza medja ta’ 13.4%. Sibt il-punt ma’ Manuel Micallef baqa’ l-aktar programm radjufoniku segwit b’aktar minn 24,000 semmiegħ s-Sibt filgħodu. Temi, programm ieħor ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ir-radju saħħaħ il-faxxa tal-ħin tan-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar fejn il-massimu tas-semmiegħa ntlaħaq kull nhar ta’ Ġimgħa. Net FM kellu udjenza medja ta’ 7% u ġie fis-seba’ post, wara Calypso Radio, Radju Malta, Vibe FM u Radju Marija.