Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (CAD) fi ħdan Transport Malta ħabbar li l-kumpanija Malta Air ingħatat l-Air Operator Certificate (AOC) u l-Air Operator License (AOL) biex issir is-37 linja tal-ajru li għażlet il-ġurisdizzjoni Maltija sabiex tibda topera fija. Malta Air se tkun kumpanija sussidjarja tal-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa, Ryanair.
L-ajuplani ta’ din il-linja tal-ajru se jkunu bbażati f’Malta u f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair, Michael O’Leary, sostna li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li l-linja tal-ajru Malta Air se tkun parti mill-grupp tal-linji tal-ajru Ryanair. Din il-linja tal-ajru se tkun qed itajjar il-bandiera Maltija lejn aktar minn 60 destinazzjoni madwar l-Ewropa u l-Afrika ta’ fuq. O’Leary qal li l-kumpanija qed tħares ‘il quddiem sabiex tkompli tkabbar l-operat tagħha li se jkun ibbażat f’Malta matul it-tliet snin li ġejjin.
Michael O’ Leary f’isem il-kumpanija Ryanair irringrazzja l-kompetenza tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta sabiex il-linja tal-ajru Malta Air ikollha l-liċenzji neċessarji biex topera ajurplan tat-tip B737 u jħares ‘il quddiem li jkompli jaħdem mill-viċin mal-awtoritajiet Maltin biex fis-snin li ġej jiżdiedu aktar minn 50 ajruplan mar-reġistru Malti.
Min naħa tiegħu, id-Direttur Ġeneral tal-Avjazzjoni Ċivli fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, qal li sodisfatt li id-Direttorat ħadem u ta l-kontribut essenzjali tiegħu biex din il-linja tkun tista’ topera minn pajjiżna. Filwaqt li rringrazzja lil Ryanair u Malta Air tal-fiduċja li taw lil pajjiżna, huwa rringrazzja wkoll lill-Ministru Ian Borg u ċ-Ċermen Joseph Bugeja tal-appoġġ tagħhom f’dan il-proġett.
“Grazzi speċjali tmur lill-ħaddiema tas-CAD tal-ħidma tagħhom biex tiġi proċessata l-applikazzjoni tul dawn l-aħħar tliet xhur”, qal il-Kaptan Pace. Id-Direttorat iħares ‘il quddiem għar-relazzjoni li bdiet ma’ Malta Air u li se tkompli tkabbar l-industrija tal-avjazzjoni. Saħaq li minkejja li sar ħafna xogħol, ix-xhur li ġejjin ħa jkunu ferm aktar impenjattivi b’aktar ajurplani jiżdiedu mal-flotta tal-Malta Air, bil-għan li din il-linja tal-ajru tkun waħda mill-akbar fl-Ewropa.
L-ewwel ajurplan se jkun reġistrat bħala B738 S/N 44782 bir-regisration marks 9H-QAA.