Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli anke lil min inqabad f’żewġ każi skandalużi prova jħajjar jikkontesta għas-siġġu ta’ David Stellini.
Il-Kullħadd irrapurtat li tant kien iddisprat jipprova jsib min jikkontesta kontra Kevin Cutajar, li Clyde Puli anke lil Ryan Mercieca kellem biex iħajru juri interess fis-siġġu li ħalla battal David Stellini.
Is-Sibt, Mercieca kien id-Dar Ċentrali u attenda għall-laqgħa tal-ezekuttiv qisu xejn mhu xejn.
Puli avviċina lil Ryan Mercieca anke jekk ftit jiem ilu kien żvelat li kkopja t-teżi tad-dottorat u xhur ilu nstab li kien preżenta dokument mbagħbas bħala prova fil-Qorti.
Mercieca preżenta provi mbagħbsa f’kawża kontra l-Eks Editur ta’ L-Orizzont Josef Caruana, fi żmien li kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista.
Mercieca kien fittex lil Caruana wara artikli dwaru fuq l-amministrar ta’ fondi Ewropej u finanzi oħrajn bħala uffiċjal f’żewġ Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin. Il-Qorti kienet qieset li erba’ artikli bit-titli “Stilla tal-PN f’taħwida dwar fondi tal-UE”, “Jirnexxilu jgħosfor anke karità”, “Ryan Mercieca kien jitlob personalment il-flus lill-għaqdiet” u anke “Taħwid taħt investigazzjoni”, li Caruana kien responsabbli minnhom, bl-ebda mod ma kienu malafamanti fil-konfront ta’ Mercieca.
F’sentenza li kienet ingħatat kien intqal: “Il-Qorti ma tistax ma tosservax li Mercieca ppreżenta dokument imbagħbas u minnu nnifsu jiżvija kemm lill-Qorti kif ukoll lil kull min jarah biex jagħti l-impressjoni li l-flejjes kienu ngħaddew qabel ma ġie allegat mill-artikolist li ma kinux ingħaddew,” tenniet il-Qorti.
Fl-aħħar ġimgħat is-sit Lovin Malta irrapporta li l-Fakultà tal-Arti fi ħdan l-Università ta’ Malta u l-Bord Dixxiplinarju tal-Università mmexxi mill-Prof. Nicholas Vella sab li ħamsa u sebgħin fil-mija tat-teżi tad-dottorat tal-eks kandidat fuq it-13-il distrett, kienet ikkupjata. Dan l-istess bord saħansitra sab paġni sħaħ ikkupjati.
B’riżultat ta’ dan, il-bord iddeċieda li Mercieca, li huwa wkoll lettur fi ħdan l-Università, għandu jiġi mkeċċi minn student fi ħdan l-istess istituzzjoni u li għandu jitħalla jerġa’ jidħol wara li jgħaddu tliet snin fuq approvazzjoni tas-Senat. It-teżi tad-dottorat tiegħu ġiet ukoll annullata. Mercieca tneħħa wkoll mil-lista ta’ letturi fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Barranin.
Iżda, dawn il-każi ma kinux biżżejjed għal Clyde Puli biex ineħħih minn fuq il-lista ta’ dawk li avviċina biex jipprovaw jieħdu s-siġġu parlamentari.