Il-konsultazzjoni pubblika dwar rappreżentanza ugwali għalqet illum, is-Sibt 8 ta’ Ġunju, 2019. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Kumitat Tekniku se jevalwa l-kontenut u l-proposti tal-pubbliku li daħlu f’dan iż-żmien fejn kulħadd kellu l-opportunità jagħti l-kontribut tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn din ir-riforma, Julia Farrugia Portelli, qalet li r-rispons li kien hemm mill-konsultazzjoni pubblika hu inkoraġġanti. Saħqet li Malta teħtieġ miżuri pożittivi li jħajru aktar nisa joħorġu għall-ħajja pubblika u politika. Julia Farrugia Portelli fakkret li din ir-riforma kienet inkluża fil-mandat elettorali.
Il-gvern innota li l-Oppożizzjoni wkoll ħadet sehem fil-konsultazzjoni pubblika u bagħtet l-osservazzjonijiet u l-proposti tagħha.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Tekniku, il-Professur Carmen Sammut, enfasizzat li l-iskop tal-konsultazzjoni pubblika kien li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu ffurmati mhux biss mill-esperti iżda wkoll mill-pubbliku inġenerali.
L-għan tal-Gvern Malti hu li sas-sena 2030, jiġifieri inqas minn 11-il sena oħra, ikollna bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament ta’ pajjiżna.