Il-Kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli ħareġ jatakka lil Simon Busuttil u avukati oħra membri fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt l-analiżi tal-ġurnali fuq ir-radju Nazzjonalista, Pierre Portelli implika li ħadd mill-avukati preżenti fil-laqgħa ta’ nhar is-Sibt li għadda ma ndenja ruħu jinnota li l-Kostituzzjoni tgħid li fil-proċess ta’ co-option, id-deputat li għandu jiġi co-opted għandu jkun mill-istess distrett ta’ dak li jkun irreżenja.
Portelli akkużahom li ħallew l-elezzjoni ssir u lil Jean Pierre Debono jirbaħ fuq Kevin Cutajar bil-konsegwenza li nqalaw l-irwiefen kollha.
Din hija ħaġa li milli jidher l-ebda avukat li kien preżenti fl-eżekuttiv ma kien jaf, ma tkellem dwarha u allura kellna dik l-elezzjoni li ħolqot tant u tant problemi.
Għat-tieni darba fi tliet’ ijiem Portelli fetħilha kontra Mark Anthony Sammut.
Akkużah li issa qed jiftaħ ħalqu mentri qabel kien jibqa’ sieket.
Mark Anthony Sammut li kien il-President tal-Eżekuttiv li ftit li xejn qabel konna nisimgħu leħnu issa wara din l-elezzjoni qed jitkellem kważi kuljum u fuq kull mezz ta’ xandir possibbli biex jgħid x’iħoss hu dwar il-Partit Nazzjonalista.
Akkuża li tenniha wkoll fil-konfront tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista.
L-MŻPN, il-branch tal-Partit Nazzjonalista li wkoll ftit li xejn nisimgħuhom issa għandhom l-opinjonijiet tagħhom li qedgħin jgħiduhom.
Dikjarazzjoni li tkompli tħarrex il-gwerra li nqalgħet bejn Portelli u l-MŻPN, bil-viċi president Nicky Azzopardi jallega li s-sezzjoni hija fil-mira ta’ bullying minn Portelli.