Minn din il-ġimgħa se jibda jingħata taħriġ lit-tobba u speċjalisti biex fi żmien xahrejn kull tarbija li titwieled fl-isptar Mater Dei jibda jsirilha screening b’tagħmir ġdid li għandu l-kapaċità li jidentifika minn qabel difetti tal-qalb li jista’ jkollha fit-twelid.
Dan tħabbar mid-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne fl-isptar Mater Dei hekk kif fisser li mal-35 tarbija fis-sena jitwieldu bi problemi fil-qalb.
Għaldaqstant, qal li l-iskop ta’ dan it-test huwa li jipprevjenu milli jiżviluppaw konsegwenzi jew difetti fil-qalb li permezz tat-test jistgħu jinqabdu fi stadju ferm bikri u jsiru l-interventi meħtieġa.
“Ħafna minnhom bil-mod konvenzjonali diġa nkunu nafu bih imma b’dan l-iscreening li qed indaħħlu inkunu nistgħu naqbdu iżjed minn età kmieni problemi li jistgħu ikunu serji u allura nkunu nistgħu nintervjenu f’eta kmieni”
Fisser kif dan l-iscreening se jkompli jżid mas-servizzi offruti biex kemm jista’ jkun ikompli jingħata servizz aħjar lill-pazjenti.
Filfatt semma kif fl-isptar Mater Dei jaraw każijiet ta’ tfal li jammontaw għal għoxrin elf każ fis-sena fl-emerġenza tat-tfal u mal-erbatax-il elf oħra fl-outpatients.
Min-naħa tiegħu, iċ-chairman tad-Dipartiment tal-Pedjatrija, Paul Soler qal li f’Malta jitwieldu mal-4000 tarbija fis-sena u li dan it-test se jibda jsir fit-tieni jum mit-twelid ta’ kull tarbija li titwieled.
Ma’ One News fisser kif grazzi għal din it-teknoloġija ġdida li se tkun introdotta, ir-riżultati għat-trabi u l-familja tagħhom se jkunu aħjar
“Madwar għaxar trabi fis-sena jkollhom diffett iżjed serju, bl-iscreening tradizzjonali hemm riskju jew ċans li dan id-diffett f’ċertu trabi ma jidhirx mill-bidu allura jistgħu jintbagħtu d-dar u jiġu iżjed morda, bit-teknoloġija u l-eżami kliniku hemm pick-up rate aħjar, allura tista’ tintervjeni kmieni u r-riżultati għat-tarbija u l-familja jkunu aħjar”