Kompliet tinstema’ x-xhieda fil-każ tal-qtil doppju ta’ Ħal Għaxaq, li fih Joseph Bonnici jinsab akkużat bil-qtil ta’ ommu Marija Lourdes u oħtu Angele.
L-ewwel xhud kien l-uffiċjal tal-pulizija Samuel Veneziani li qal li kien xogħol fil-lejl tal-ħamsa u għoxrin ta’ Marzu, fejn sar jaf biż-żewġ persuni neqsin. Huwa fisser kif meta l-pulizija ħabbtu fir-residenza taż-żewġ nisa, fetħilhom l-akkużat Joseph Bonnici u meta daħlu fir-residenza ndunaw b’vettura pparkjata, li Bonnici qalilhom kienet t’oħtu.
Innutaw ukoll li fil-bieb li jagħti għar-residenza t’oħtu kien hemm kantun maqlugħ, u qalilhom li kien qalgħu hu għax missieru kien tah din l-ordni biex jidħol fir-residenza sabiex jiċċekkja ommu u oħtu kinux hemmhekk.
Instabu wkoll sodda maqlugħa, il-mowbajl tal-omm u l-laptop t’oħtu. Innutaw ukoll li kien hemm kamera li tagħti minn isfel għal fuq li għall-ewwel Joseph Bonnici li ma jaħdmux, għax ma jafx iħaddimhom, imma mbagħad il-pulizija sabu li l-kameras filfatt kienu mitfijin.
Xehed ukoll il-pulizija Antoine Fenech, li ġie nnominat mill-Maġistrat inkwerenti sabiex jiġbed filmat tal-awtopsji li saru fuq iż-żewġ katavri, tal-għalqa fejn instabu l-katavri u tar-residenza tagħhom.
Huwa fisser kif sakemm kienu qegħdin jiffilmjaw fid-dar, kien l-akkużat Joseph Bonnici li beda jispjegalhom kollox u li stqarr li sar li kellu jsir fuq ommu u fuq oħtu.
Mit-taqsima forensika, xehed l-Ispettur Charlot Casha li kien preżenti meta l-akkużat ammetta li kien hu li qatel lil Marija Lourdes u Angele Bonnici, u ħadhom fuq il-post fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu.
Huwa qal li fl-għalqa kien hemm arma tan-nar li ħadilha r-ritratti u refagħha hu stess biex jgħaddiha lill-Uffiċċju tal-Ballistika, bir -rapport tiegħu għandu jiġi ppreżentat fis-17 ta’ Ġunju li ġej.
Xehed ukoll ħu waħda mill-vittmi, Nardu Callus, li huwa ħu Marija Lourdes Bonnici. Huwa qal li lil Joseph Bonnici jafu bħala tifel sewwa, imma kwiet tant li trid tkellmu biex ikellmek.
Stqarr li kulma jarah lil Bonnici huwa darba jew darbtejn f’sena, tant li sar jaf bil-każ minn fuq il-mezzi tax-xandir.
Fisser ukoll kif dakinhar stess li seħħ il-każ, mar iħabbat f’Ħal Għaxaq u ħalla karta bin-numru tiegħu lil Joseph biex iċempillu, iżda baqa’ ma rċeviex telefonata u kien hu lil lill-pulizija tahom iċ-ċavetta tar-residenza t’oħtu.
Id-Difiża talbet permess biex lill-akkużat imur jarah xi ħadd fil-ħabs, bil-kawża ġiet diferita għas-17 ta’ Ġunju.