“Għażiż Adrian Delia… għadek ma rrealizzajtx li kemm ilek Kap ma ħadtx deċizjoni waħda li għaqdet u li mexxietna pass wieħed ‘il quddiem?.”
Hekk iddikjara s-sindku nazzjonalista tan-Nadur Għawdex Edward Said li jiġi wkoll ħu d-deputat Nazzjonalista Għawdxi Chris Said.
Edward Said talab għar-rizenja ta’ Adrian Delia u tmexxija għax fost oħrajn m’għaqqadtx partit.
“Kap… int u shabek kontu fdati bit-tmexxija, u minkejja dan m’għaqqadtux, ma mexxejtux lill-partit imqar pass zgħir lejn fejn jixraqlu. Ma ppruvajtux tirranġaw is-sitwazzjoni bil-galbu… għaldaqstant ningħaqad ma’ Mark u nitlobkom twarrbu, għax il-fiduċja tiegħi tliftuha wkoll.”
Fuq facebook, is-Sindku Nazzjonalista tan-Nadur faħħar ukoll lil Mark Anthony Sammut talli rriżenja minn President tal-Eeżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
“Prosit Mark Anthony Sammut li tkellimt, spjegajt, u fissirt” – kiteb Said.
Is-Sindku Nazzjonalista kellu kliem ta’ kundanna wkoll lejn is-segretarju ġenerali Clyde Puli.
“Għażiż Clyde Puli… għadek ma ndunajtx li l-Partit mhux ċirklu, u li n-Nazzjonalisti mhumiex buffi… kemm se ddum iddur mal-lewża, u taħrab mir-realtà?”
U lil Jean Pierre Debono qallu li qiegħed juża l-Partit –
“Għażiż Jean Pierre Debono… għadek ma stenbaħtx li l-PN mhux tiegħek biss u li ma tistax tibqa’ tużah għall- gost u pjaċir tiegħek kif jaqbillek?”
Huwa kellu appell għad-deputati nazzjonalisti u nies li jimmilitaw fil-Partit, sabiex iqumu mir-raqda u jiġġieldu għall-Partit.
“Għeziez Deputati, Amministrazzjoni, Membri fi hdan l-istrutturi, Tesserati u Attivisti… meta se nqumu mir-raqda u niġġieldu għall-partit li tant inħobbu… possibbli hemm bżonn jispiċċa għalkollox biex kulħadd jagħmel pass, jitkellem u jieħu azzjoni?!” – staqsa Said.
Għaldaqstant, is-Sindku tan-Nadur qal li f’ġieħ is-sewwa il-Partit Nazzjonalista għandu bzonn Kap ġdid.
“Għandna bżonn immedjatament persuna li tgħaqqadna, li ma tpoġġiex l-interessi tagħha l-ewwel u qabel kollox, li b’umiltà m’ghandha l-ebda aspirazzjoni oħra ħlief li tgħaqqad u ssaħħaħ.”
F’ġieħ is-sewwa… f’ġieħ is-sewwa l-Partit Nazzjonalista.” temm jgħid Said.