Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adria Delia għamel ġennata meta ddikjara gwerra kontra għadd ta’ deputati fil-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Hekk iddikjara Deputat Nazzjonalista bil-kundizzjoni li jibqa’ anonimu ma’ The Times of Malta fil-ħarġa tal-Erbgħa.
Dan id-deputat nazzjonalista irreaġixxa għal intervista li kellu l-kap nazzjonalista Adrian Delia fuq Times Talk fejn attakka għadd ta’ deputati Nazzjonalisti li kienu involuti fix-shadow cabinet tal-ex kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
“A coach needs to actually first choose the players he wants to be with. It’s very difficult for a coach to work with a team he already found there.”
Deputat Nazzjonalista ieħor li tkellem ma’ The Times qal li b’dikjarazzjonijiet bħal dawn Adrian Delia, bla ma jaf, żvela l-istrateġija tiegħu li jeħles minn numru ta’ deputati Nazzjonalisti. Waqt li staqsa r-raġunament dwar dan il-kumment, qal li ebda mexxej ma’ jitkellem b’dan il-mod li jifred flok jgħaqqad.
Intant it-Times irrappurtat ukoll li l-Grupp parlamentari Nazzjonalista ilu xahrejn ma jitlaqa’, u fil-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista, id-deputati Nazzjonalisti għadhom bla data ta’ meta se jiltaqgħu bħal grupp parlamentari.
Sorsi fil-grupp parlamentari Nazzjonalista li tkellmu mat-Times of Malta, qalu li l-aħħar laqgħa tal-grupp parlamentari saret fil-ħmistax ta’ April, ftit ġimgħat biss qabel bdiet il-kampanja elettorali.
Skond l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Grupp Parlamentari jrid jiltaqa’ minn tal-inqas darba f’xahar jew fuq talba tal-kap. L-istatut jgħid ukoll li l-grupp parlamentari jista’ jitlaqqa jekk issir talbu minn terz tad-deputati.
Mat-times il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar ma riedx jikkummenta.
It-Times qalet li minkejja li Adrian Delia ilu fit-tmexxija sa minn Settembru ta’ sentejn ilu, għadu ma rebaħx il-fiduċja tad-deputati tiegħu li privatament lissnu t-tħassib tagħhom dwar il-karattru dubjuż ta’ Delia li għadu qed jiffaċċja allegazzjonjiet gravi ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni.
B’reazzjoni, Delia u dawk ta’ madwaru akkużaw lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil bi bsaten fir-roti u li baqgħu ma jridux jilqgħu r-rieda demokratika tal-maġġoranza assoluta tat-tesserata tal-partit Nazzjonalista.