Il-kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono li jinsab f’nofs kontroversja dwar allegazzjonijiet li tbagħbis f’elezzjoni interna oħra fil-Partit Nazzjonalista, kien imġiegħel jippubblika s-salarju li jdaħħal mill-Partit Nazzjonalista.
Fuq Facebook, Jean Pierre Debono qal li fl-aħħar tax-xahar li għadda huwa daħħal f’idu fix-xahar elfejn, mitejn tmienja u tlettin ewro.
Ammont li skont sorsi fil-Partit Nazzjonalista ma jitwemminx. Fost dawk li ma jemmnux lil Debono hemm il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo li b’kitbietu ta x’jifehm li jaqla’ ħafna iktar minn hekk. Nifhmu li fl-irwol tiegħu ta’ Viċi Kap Nazzjonalista għall-affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo jaf sew kif qed jintefqu l-flus fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tas-Sibt kien hemm battibekk jaħraq bejn Arrigo u l-koppja Debono.
Quddiem il-membri kollha tal-eżekuttiv, Robert Arrigo qal lil Jean Pierre Debono, “Missek tistħi, iż-żieda li tlabt ma ħadtix?”.
Dan b’referenza għall-paga tajba li Debono qed jitħallas wara li ċeda s-siġġu lil Delia.
Kien hawn li mart Debono u deputat parlamentari Kristy Debono qamet taqbeż għal żewġha iżda Arrigo f’dadigħa liema bħala bilkemm ta ċans tiftaħ ħalqha u qalilha, “You shut up!”
Il-ġlied kompla fuq Facebook, b’Robert Arrigo jgħid li Debono huwa bniedem ħażin li qed jaqla’ pagi kbar ħafna mill-Partit.
B’botta diretta lejn Jean Pierre Debono Arrigo għalaq billi talab għar-riżenja ta’ dak li ddeskriva bħala “xitan”. Saħansitra, Robert Arrigo qabbel lil Jean Pierre Debono u lil martu Kristy Debono ma’ lpup.
Biex jipprova jagħlaq ħalq Arrigo, Debono xerred fuq facebook is-salarju li għandu mill-Partit Nazzjonalista.
B’reazzjoni għall-kritika li dabbar minn bosta partitarji Nazzjonalisti, reġgħet ħarġet taqbeż għalih martu Kirsty Debono.
Fuq Facebook, kitbet li hemm ħafna allegazzjonijiet dwar l-paga li jaqla’ zewġha minn nies fil-Partit Nazzjonalista li għandhom skopijiet ulterjuri.