Id-deputat nazzjonalista Therese Comodini Cachia qiegħda tiġi attakkatta minn partitarji nazzjonalisti tal-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fuq Facebook, Comodini Cachia kitbet li huwa inaċċettabbli li taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, tkissru l-kredenzjali u r-reputazzjoni tal-Partit. “Aħna nqumu għall-onestà, għad-dinjità u l-ġustizzja u mhux għad-dubji” qalet Comodini Cachia.
Dan qalitu b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista wara li Jean Pierre Debono allegatament bagħbas il-lista tal-eżekuttiv sabiex jieħu s-siġġu parlamentari ta’ Stellini.
Din id-dikjarazzjoni pubblika ta’ Comodini Cachia ġiet milqugħa mid-Deputati Karol Aquilina u Jason Azzoppardi li t-tnejn ħallewlha like fuq kitbitha.
Iżda Therese Comodini Cachia rċiviet għadd ta’ messaġġi u insulti minn partitarji nazzjonalisti li jappoġġjaw lil Delia.
Partitarju nazzjonalista qal lil Therese Comodini Cachia sabiex iddabbar rasha mill-Partit Nazzjonalista.
“Issa għax qed issibu forza li trid tqaċċatkom mill-għeruq qed tirvillaw. Ma tistawx tniżżluha li n-Nazzjonalisti stess ma jridukhomx aktar. Qiskhom ġurdien maqbud f’kantuniera. Istħu ħassartuh partit. Il-Partit mhux ta’ pseudo Nazzjonalisti. Inthom eletisti li taraw lil kulħadd dubbien. Pero l-poplu tagħkom tweġiba u beżaqkom minn ħaqlu.
Partitarju Nazzjonalista ieħor qalilha – “Jekk mhux qed iġġibu rispett lill-partit, tal-inqas ġibu rispett lin-nies li ivvutawlkom biex int u l-oħrajn tmorru timlew butkom bil-flus fl-Ewropa. Warrbu u ħallu lil min irid vera ġid lill-PN. Dejjaqtuna misskom tistħu.”
Partitarju ieħor mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia, appoġġja lil delia u qalilha “Għandek raġun għax ma ħelisx minnek l-ewwel waħda u l-kumplament ta’ sħabek. Istħi.”
Partitarja oħra, li appoġġjat lil Frank Psaila fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kitbet lil Comodini Cachia u qaltilha “Qabżet li ttajjar in-nar għall-partit. Għall- facebook biss tajba int u għall-vot. Il-bqija ma tarak imkien.
Wara baraxx ta’ kritika fil-konfront tagħha, Comodini Cachia kitbet li qiegħda tiġi attakkatta.
Qalet li jekk l-uniku tweġiba li għandhom xi jgħidu l-partitarji Nazzjonalista hija dik li jattakkawha, mela vera każ ta’ battalja mitlufa għall-Partit Nazzjonalista. Qalet li dawn għandhom jaħdmu biex iqajmu lill-partit nazzjonalsita fuq saqajh u mhux logħba ta’ nuqqas ta’ rispett lejn xulxin.
B’reazzjoni, partitarju Nazzjonalista weġibha li f’dan il-każ għandha taħdem fil-partit u mhux tisparixxi mix-xena politika kif għamlet u issa ħarġet mill-qoxra biex tkebbes in-nirien.