Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mhux konvint li l-kandidat Għawdxi Kevin Cutajar ħaqqu jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini.
Wara akkużi ta’ irregolaritajiet fil-votazzjoni tas-Sibt għas-siġġu ta’ Stellini, it-Tnejn filgħodu l-kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono bagħat ittra lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jgħarrfu li ma kienx se jaċċetta s-siġġu parlamentari.
Madankollu, sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista qalu li Delia mhux konvint li jrid jagħti s-siġġu parlamentari lil Kevin Cutajar.
Fil-fatt Adrian Delia talab parir kostituzzjonali biex ikun stabbilit jekk is-siġġu jridx jimtela’ bilfors minn kandidat Għawdxi.
Iżda Kevin Cutajar, sostna li jrid is-siġġu parlamentari ta’ David Stellini.
Fil-fatt huwa kiteb lis-segretarju ġenerali Clyde Puli sabiex jistaqsi kif se jibqa’ għax huwa l-unika persuna li għandu interess fis-siġġu parlamentari. (Clyde Puli / Kevin Cutajar)
Fuq Facebook, Kevin Cutajar kiteb : “Wara d-deċiżjoni tal-bieraħ ta’ Jean Pierre Debono li jirtira l-interess tiegħu li jimla s-siġġu Parlamentari li David Stellini ċeda fuq Għawdex, jiena ktibt lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit nazzjonalista biex nitolbu jinfurmani kif ser imexxi l-Partit issa li l-unika Persuna li għadha bl-interess li nimla s-Siġġu Parlamentari imsemmi hi jien. Qed nistenna risposta.”
Kevin Cutajar ġie imbutatt u użat b’saħħa mill-fazzjoni tal-eks Kap Kazzjonalista Simon Busuttil u mid-deputat Nazzjonalista Chris Said sabiex ikun hu li jieħu s-siġġu parlamentari ta’ Stellini.
Manuvra li ħolqot inkwiet ġdid fil-Partit Nazzjonalista tant li l-firda bejn iż-żewġ fazzjonijiet laħqet livelli li fi kliem in-Nazzjonalisti stess il-partit mess il-qiegħ.