L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jagħmel referenza għal dak li ġie rappurtat illum, 3 ta’ Ġunju 2019 fil-media, fejn, fir-rappurtaġġi dwar il-kumpilazzjoni fl-ismijiet Il-Pulizija vs Joseph Bonnici li tirrigwarda l-omiċidju doppju f’Ħal Għaxaq, ġie kwotat li l-Maġistrat li qed jisma’ l-kumpilazzjoni allegatament ilmenta minn “bad management” da parti tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Filwaqt li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sejjer iwieġeb formalment għal din l-allegazzjoni fl-atti tal-kawża msemmija, jħoss li f’dan l-istadju għandu jiċċara s-segwenti fatti għas-soddisfazzjon tal-pubbliku:
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rċieva l-atti tal-kawża għall-ewwel darba fid-29 ta’ April 2019. Wara estensjoni taż-żmien maħruġa mill-Qorti Kriminali fuq talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-istess Uffiċċju kellu sat-12 ta’ Ġunju 2019 biex jeżamina l-atti u joħroġ rinviju jew att ta’ akkuża. Proprju sabiex ma tinħeliex seduta, ġaladarba l-Uffiċċju kien jaf li kien hemm seduta skedata għat-3 ta’ Ġunju quddiem il-Maġistrat, l-Uffiċċju ma żammx l-atti għandu sat-12 ta’ Ġunju iżda bagħthom lill-qorti proprju sabiex tkun tista’ ssir dik is-seduta. Fil-fatt fl-istess seduta nstemgħu numru ta’ xhieda esperti li kienu debitament imħarrka għal dan il-għan mill-Pulizija. Finalment għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Maġistrati kienet infurmata (permezz ta’ posta elettronika li ntbagħtet lid-Deputat Reġistratur tal-Maġistrat fid-29 ta’ Mejju) li minkejja l-proroga msemmija, l-Uffiċċju kien ser jibgħat l-atti biex tkun tista’ ssir is-seduta tat-3 ta’ Gunju, kif fil-fatt sar.
Għaldaqstant l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ikkopera mal-Qorti, anzi għamel iżjed milli tinħtieġ minnu l-liġi fiċ-ċirkostanzi, u assolutament mhuwiex il-każ li huwa responsabbli għal xi amministrazzjoni ħażina (‘mismanagement’) jew dewmien f’dawn il-proċeduri.