Il-Ħadd filgħaxija kompliet tisħon is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista tant li l-argumenti bejn il-fazzjonijiet spiċċaw eskalaw għal fuq is-sit Facebook. Kienu propja l-22:30 tal-Ħadd filgħaxija meta Jean Pierre Debono ħadha qatta bla ħabel kontra l-eks kap tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut. F’kumment pjuttost twil Debono li huwa l-id il-leminija ta’ Adrian Delia qal li huwa ma kellu x’jaqsam xejn mal-elezzjoni li saret il-bieraħ waqt laqgħa taħraq tal-kumitat eżekuttiv. Dan għaliex huwa kien parti mill-elezzjoni li ddeċidiet min għandu jieħu s-siġġu t
al-eks deputat Għawdxi David Stellini li kien irreżenja mill-Parlament minħabba l-pika li kien hemm.
Madankollu ftit tal-minuti wara, d-Deputat Jason Azzopardi li minn dejjem kien voċiferu kontra l-Kap Adrian Delia kiteb fuq Facebook li Jean Pierre Debono kien qed jinganna lin-nies. Huwa qal li l-lista kien ħoloqha hu u sabiex jissustanzja dan ppubblika screenshot tad-dokuemnt uffiċċjali li filfatt kien inkiteb minn fuq il-kompjuter ta’ Jean Pierre Debono. Fuq din il-lista kien għad hemm David Stellini u David Camilleri li skont Azzopardi ma kellhomx dritt li jivvutqw f’din l-elezzjoni li intrebħet biss b’żewġ voti.
Ftit tal-minuti wara Jason Azzopardi, Mark Anthony Sammut wieġeb ukoll lil Jean Pierre Debono bl-istess screenshot li ppubblika Jason Azzopardi. Huwa talab lill-fazzjoni ta’ Adrian Delia sabiex tieqaf tisserva bil-Partit Nazzjonalista u talab ukoll sabiex jieqfu iniżżlu l-partit magħhom.
Minn naħa tiegħu Kevin Cutajar il-kandidat Għawdxi li tilef l-elezzjoni tas-Sibt b’żewġ voti kiteb ukoll u qal li talab lill-Clyde Puli sabiex jinvestiga l-allegazzjonijiet li keinu qed jiċċirkolaw fuq kull sit tal-midja lokali.
Ir-reazzjonijiet għal dawn iż-żewġ kummenti kienu varji b’diversi esponenti Nazzjonalisti bdew jitolbu għar-riżenja ta’ Jean Pierre Debono. Fost dawn kien hemm tal-President tal-MZPN Nicky Azzopardi. Azzopardi saħansitra ħadha wkoll kontra Lydon Camilleri, membru tal-PN u tat-Team Start, grupp taż-żgħażagħ ieħor maħluq minn Clyde Puli u Adrian Delia li huwa kompetitur tal-MŻPN fl-istess partit. Lil Camilleri Nicky Azzopardi qallu li dak li għamel Jean Pierre Debono kien frodi. Fost dawk li taw l-appoġġ lil Debono kien hemm Kristy Debono Deputat Nazzjonalista, segretarja tal-eżekuttiv u mart Debono stess.
Intant deputati nazzjonalisti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fosthom Claudette Buttiġieġ appoġġjat l-allegazzjonijiet ta’ tbabis fil-votazzjoni għall-co-option minn Anthony Sammut u Jason Azzopardi. Fuq is-sit soċjali personali tagħha fuq Facebook, Buttiġieġ magħrufa wkoll bħala persuni qrib Simon Busuttil xerdet l-iscreenshot ta’ Jason Azzopardi filwaqt li kitbet “The devil has come to collect.”