Il-Partit Nazzjonalist għadu mhux ċert jekk jagħmilx rapport tat-telfa, iżda l-uffiċjali tiegħu qed jitkellmu fil-miftuħ dwar x’jaħsbu li huma r-raġunijiet biex intilfu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Fost oħrajn issemmew il-bars tal-każini u issa anke l-ħin ta’ x’ħin jixxandar l-Angelus fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Kien il-Viċi-Kap tal-PN, David Agius, li fuq ir-radju tkellem dwar dan.
“Hawn min jgħidlek li mhix raġuni valida għaliex ma tivvotax lil PN għax l-Angelus m’għadux f’nofsinhar imma issa qed wara l-aħbarijiet. Imma dawn in-nies hekk ħassew.”
David Agius ħass li din tal-angelus kellu jemfasizza iktar minn darba. Ma kienx kumment ta’ darba u daqshekk. Waqt li kien qed jipprova jikkonsla l-partitarji reġa’ qal hekk.
“Jaffetwa iva li jridu lAngelus qabel nofsinhar u mhux wara.”
Qablu kien diġa’ tkellem Clyde Puli fuq in-NET li qal li jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista tilef il-voti minħabba l-bar tal każini.
“Meta l-każin joħroġ tender u jieħdu A flok B ovvjament aħna ngħażluh fuq min jagħtina l-aħjar. L-iktar fondi. Ikun hemm min jurta ruħu.”