Jean Pierre Debono se jkun qiegħed jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini. Dan wara li f’ laqgħa taħraq tal- Eżekuttiv kiseb 42 vot waqt li Kevin Cutajar li kien qed jiġi mbottat mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kiseb 40 vot, żewġ voti biss anqas minn Debono.
Sorsi fid-Dar Ċentrali diġà bdew isostnu li il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rebaħ b’partit maqsum.
Fl-aħħar ħin ħarġet l-informazzjoni li waqt laqgħa taħraq tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li bdiet filgħaxra ta’ filgħodu u baqgħet sejra madwar erba’ sigħat, il-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia baqgħet tinsisti li s-siġġu ta’ Stellini għandu jieħdu bid-dritt Debono wara li kien hu li ċeda lil Delia biex sab postu fil-Parlament.
Minkejja dan il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil opponiet bil-qawwa u riedet lil Kevin Cutajar, kandidat u kunsillier Għawdxi biex jieħu post Stellini.
Il-firda fil-Partit Nazzjonalista tant kienet kbira li Debono ntgħażel bi żbrixx hekk kif Cutajar ġab biss żewġ voti inqas.
Din l-aħbar kompliet toħroġ fil-beraħ il-qasma iżda anki d-diżappunt fost nies li jħufu fl-istamperija.
Fost l-oħrajn Kevin Cutajar ilbieraħ kiteb fuq il-midja soċjali li kien sejjer id-Dar Ċentrali biex jieħu s-siġġu parlamentari u issa baqa’ b’xiber imnieħer.
Intant ma laħqitx bdiet il-laqgħa tal-eżekuttiv Nazzjonalista li l-partit ta’ Adrian Delia ma kompliex jieħu daqqa ta’ ħarta hekk kif irriżenja Mark Anthony Sammut minn President tal-Eżekuttiv, wieħed mill-organi għoljin tal-partit.
Jean Pierre Debono ntgħażel internament mill-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jsib postu fil-Parlament permezz ta’ ‘co-option’ wara li Stellini li kien ġie elett fuq it-13-il distrett permezz ta’ elezzjoni każwali. Huwa saħaq li se jmur lura jaħdem Brussel mal-PPE u b’hekk se jħalli s-siġġu parlamentari tiegħu.