Fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna żdiedu bi 2.3% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2018, filwaqt li l-iljieli li qattgħu żdiedu b’4.2%. In-nefqa żdiedet ukoll b’0.3% meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu.
Waqt konferenza li matulha tħabbru r-riżultati ta’ stħarriġ dwar kif marru l-lukandi u r-ristoranti fl-ewwel kwart tas-sena, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li għalkemm ir-riżultati juru stampa pjuttost tajba, juru wkoll li iżjed turisti qed jirrikorru għal akkomodazzjoni mhix liċenzjata. Semma kif flimkien mal-Gvern qed isiru arranġamenti biex iktar minn dawn it-tip ta’ stabbilimenti jiġu rreġistrati u b’hekk joperaw fl-istess livell f’din l-industrija li hi pilastru għall-ekonomija Maltija.
Saħaq iżda li qed naslu f’punt fejn diversi pajjiżi bħat Turkija, l-Eġittu u t-Tuneżija issa jistgħu joffru iżjed spazji ta’ akkomodazzjoni milli kienu jistgħu sa ftit ilu peress li kkalmat it-tensjoni politika f’dawn il-pajjiżi.
Spjega li hu importanti li l-Gvern jieħu nota ta’ din is-sitwazzjoni ħalli tiġi evitata sitwazzjoni ta’ overcapacity fejn ikun hemm iżjed spazji ta’ akkomodazzjoni milli hemm domanda għax din twassal biex tonqos l-okkupanza u l-prezzijiet.
Is-Sur Zahra nnota wkoll ix-xogħol li qed jagħmel il-Gvern fl-infrastruttura u t-toroq filwaqt li ħeġġeġ għal infurzar aħjar f’dawn ix-xogħlijiet. Fahħar ukoll ir-relazzjoni tal-MHRA mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li ntlaħaq ftehim mas-sit notevoli tal-prenotazzjonijiet tal-akkomodazzjoni booking.com sabiex minn dan ix-xahar dan is-sit jibda jistipola lil min joffri akkomodazzjoni f’pajjiżna, jipprovdi n-numru ta’ registrazzjoni mogħti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dan sabiex tigi miġġielda l-isfida tal-akkomodazzjoni mhux irregistrata.
Saħaq li qed jiġu nnegozjati ftehimiet simili bħal dan ma’ siti oħra tal-akkomodazzjoni.