Tilef ħajtu Terry Farrugia, veteran tar-radju, wara li nħakem minn marda kiefra.
Farrugia, li hu misier ta’ żewġ subien ta’ 8 u 10 snin, ngħata l-aħbar li kellu tip partikolari ta’ lewkimja fl-2016 fejn spiċċa nżamm l-isptar fejn ngħata l-ewwel trattament tal-kimoterapija kontra l-kanċer fil-mudullun.
L-għan kien li jeħilsu mill-għadma tal-mudullun u jsibu donatur li jaqbel ma’ Farrugia sabiex jiġi assigurat li l-kanċer ma jerġax jirritorna. Iżda sfortunatament ma kien hemm ebda donatur li seta’ jgħin lil Farrugia fid-database internazzjonali.
Kien f’Settembru tal-2016 li Farrugia ngħata l-aħbar li jista’ jmur lura d-dar iżda wara biss sena, Terry u familtu ngħataw l-aħbar kerha li l-kanċer reġa’ rritorna.
Wara din l-aħbar kien imiss trattament ieħor ta’ kimoterapija aktar ħarxa fejn it-trapjant tal-għadma tal-mudullun issa ma kinitx biss bżonnjuża, iżda ma baqgħetx għażla u saret bżonn ta’ bilfors.
Hekk kif xorta ma nstabx donatur l-unika għażla kienet li jirċievi trapjant fir-Renju Unit ta’ ċelloli staminali. Kien f’Marzu tal-2018 li sarlu t-trapjant li kien jinvolvi wkoll kimoterapija u radjoterapija.
Għalkemm kienet diffiċli, wara għadd ta’ xhur Farrugia beda jerġa’ jikseb saħħtu lura bl-ewwel riżultati juru li t-trapjant kien ta’ suċċess.
Iżda ftit wara ġie kkonfermat li l-kanċer reġa’ rritorna għal darb’oħra. Kien hawn li t-tobba ddeċidew li jagħtuh trattament ieħor, tip speċjali ta’ kimoterapija – liema terapija għenet lil Farrugia biex jerġa’ jingħata l-aħbar li jista’ jmur lura d-dar.
Iżda erba’ xhur biss wara, il-kanċer reġa’ rritorna. Hekk kif dan it-tip ta’ kanċer hu wieħed aggressiv, bosta ċentri ġew ikkuntattjati sabiex ikompli jingħata t-trattament fejn fost iċ-ċentri kollha kien ċentru wieħed biss li kien interessat li joffri dan it-trattament lil Farrugia – liema ċentru kien fi Houston, Texas fl-Istati Uniti.
Kien fil-bidu ta’ Jannar li Farrugia tela’ fl-Istati Uniti iżda sfortunatament din il-kura kienet qed tiswa lil familtu s-somma ta’ €500,000, dan sabiex jirċievi t-trattament li għandu bżonn sabiex issalvalu ħajt. Fejn għal dan l-għan bosta ħbieb u qraba ingħaqdu flimkien biex jiġbru l-flus sabiex jgħinu lil familtu u lilu biex jirċievi t-trattament meħtieġ.
Kienu bosta għaqdiet u persuni li għenew lil Farrugia sa issa biex jirċievi t-trattament fosthom il-Malta Community Chest Fund, Puttinu Cares, is-sezzjoni tat-trattament ta’ barra minn Malta fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, ħbieb u qraba.