Delia jrid ineħħi lil Puli minn Segretarju Ġenerali – One News

Delia jrid ineħħi lil Puli minn Segretarju Ġenerali

F’mument li l-Partit Nazzjonalista ġarrab l-ikbar telfa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn saħansitra tilef it-tielet s-siġġu, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma jridx aktar lil Clyde Puli fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.

Waqt il-programm Dissett, Adrian Delia qal li ma jridx lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jkun ukoll Deputat elett fil-Parlament. Dikjarazzjoni li bosta interpretawha li Delia se jibda b’manuvra sabiex iwarrab lil Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali wara l-akbar telfa elettorali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.

Clyde Puli ilu Segretarju Ġenerali għal madwar sena u sitt xhur u baqa’ jokkupa l-kariga ta’ Deputat Nazzjonalista. Iżda wara t-telfa storika li ġarrab il-Partit Nazzjonalista s-Sibt li għadda, Delia qed jgħid li s-Segretarju Ġenerali m’għandux ikun Deputat Nazzjonalista. Minkejja t-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ffaċċja wkoll ir-riżenja tad-Deputat Nazzjonalista David Stellini, liema riżenja ħolqot aktar ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt il-grupp ta’ Simon Busuttil fil-Partit Nazzjonalista qiegħed juża lill-kandidat Nazzjonalista Kevin Cutajar biex jagħti daqqa oħra lil Adrian Delia, u jgħidu li jriduh jiġi elett fil-Parlament flok Stellini. Iżda l-fazzjoni ta’ Delia trid lil Jean Pierre Debono jieħu s-siġġu għax kien hu li ċeda s-siġġu biex Delia seta’ jidħol fil-Parlament. B’Delia jikkonferma li Jean Pierre Debono diġà ddikjara miegħu li jinsab interessat li jieħu siġġu parlamentari flok David Stellini.

Iżda sabiex jilqa’ lil fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil, Adrian Delia qalilhom li m’hemmx restrizzjoni li torbtu lil min jagħti s-siġġu ta’ Stellini fil-Parlament.

Osservaturi politiċi sostnew li Adrian Delia huwa konxju li jekk Jean Pierre Debono jieħu s-siġġu parlamentari li ċeda Stellini, il-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil se toħloqlu aktar problemi u ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend