Il-grupp ta’ Simon Busuttil fil-Partit Nazzjonalista qiegħed juża lill-kandidat Nazzjonalista Kevin Cutajar biex jagħti daqqa oħra lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia.
Ir-riżenja ta’ David Stellini minn deputat mhux biss tħalli siġġu li jrid jimtela, iżda titlob li dik l-għażla jagħmilha l-Partit Nazzjonalista.
Dan għax Stellini kien tela’ bil-by election u għalhekk issa hija meħtieġa co option. Għal dawk qrib Adrian Delia huwa naturali ħafna li l-ewwel isem li jduru fuqu jkun dak ta’ Jean Pierre Debono.
Dan wara li Debono nnifsu ċeda s-siġġu tiegħu biex il-Kap elett mit-tesserati seta’ jidħol fil-Parlament.
Iżda, għall-fazzjoni Simon Busuttil din kienet okkażjoni oħra biex jagħtu daqqa taħt iċ-ċintorin lil Adrian Delia u lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
Il-ġonġol dendlu Karol Aquilina li pubblikament kien l-ewwel wieħed li ħareġ jgħid li la rriżenja Stellini kellu jkun Kevin Cutajar li jieħu s-siġġu parlamentari.
Aquilina tenna li Għawdxi għandu jidħol minflok Għawdxi u li l-Partit Nazzjonalista jkun qed jibgħat messaġġ favur persuni b’diżabbiltà bil-co option ta’ Cutajar.
Dan il-messaġġ ħarġu favurih u rrepetewh nies oħra bħal Beppe Fenech Adami u Therese Commodini Cachia, bl-għemil tagħhom jibda anke jqajjem rabja fost partitarji Nazzjonalisti li d-dwejjaq tagħhom għal dak li għamlu bdew jesprimewh fil-kummenti.
Taħt kitbet Aquilina n-nies bdew jiktbu li mhux ta’ b’xejn il-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu r-ruħ u fakkruh li deċiżjoni bħal din tittieħed internament.
Fil-fatt ma damx ma għadda botta ċara l-kandidat għall-Parlament Ewropew Dione Borg li qal li f’mument fejn il-Partit Nazzjonalista diġà qiegħed ħażin wieħed m’għandux jaġixxi hekk.
Kiteb ukoll Mark Anthony Sammut, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv li qal: “Id-deċiżjoni dwar il-co options li jagħmel il-Partit jittieħdu fil-Kumitat Eżekuttiv, skont l-istatut u fl-aħjar ġid tal-Partit u mhux fuq il-midja soċjali bħal Facebook. Nappella lid-Deputati u l-membri tal-Eżekuttiv biex jimxu bi prudenza u jħallu d-diskussjoni ssir postha u f’waqtha.”
Din mhux l-ewwel darba li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil użat Facebook biex torbot idejn il-Kap.
L-istess għamlet meta Delia ried ikeċċi lil Simon Busuttil wara li ħareġ ċar li l-każ Egrant kien frame up mill-bidu sal-aħħar. Din id-darba jidher li mhux se jċedu qabel terġa’ tgħaddi tagħhom.