AĠĠORNAT (5): biżżejjed provi biex iż-żewġ akkużati jitpoġġew taħt att t’akkuża – One News

AĠĠORNAT (5): biżżejjed provi biex iż-żewġ akkużati jitpoġġew taħt att t’akkuża


Aġġorat (5)

Il-Maġistrat Ian Farrugia poġġa liż-żewġ akkużati taħt att ta’ akkuża, dan hekk kif hemm biżejjed provi biex dan issir, bl-atti se jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli tinstema f’Lulju li ġej

Aġġornat (4)

Il-ħames xhud huwa l-Kuntistabbli Cecily St John, qal li għal ħabta tal-11:00pm kien hemm persuna fi Triq tal-Ġebel mixħuta mal-art, wara li allegatament ġew sparati xi tiri fuqha. Qak ukoll li sabu xi persuni feruti u ċemplu għall-ambulanza. Qal li wara xi filmati li ġew elevati dak il-ħin instab li eżattament fil-10:54pm għaddiet karozza ta’ lewn abjad.

Aġġornat (3)

It-tielet xhud huwa l-Kuntistabbli Gary Scerri stazzjonat l-Iskwadra tal-Omiċidji. Huwa qal li nhar is-6 t’April ġie avżat mill-Ispettur Keith Arnaud sabiex imur f’Birżebbugia għax kien għadu kif seħħ omiċidju. Malli wasal fuq il-post seta’ jara l-katavru u minn hemmhekk bdew isaqsu għal filmati tal-kameras tas-sigurta’ tad-djar fi-viċin. Hemmhekk innuttaw ukoll karozza bajda li għaddiet b’mod mgħaġġel. Qal ukoll lill-vittma kien jaħdem ma’ Schembri Brothers. Scerri qal li l-istess karozza waqfet ukoll quddiem stabbiliment fiż-Żejtun fit-Traffiku, qal ukoll li minnhemm itteħdu diversi ritratti tal-vettura u ġew identifikati diversi karatteristiċi uniċi li kellha.

Il-Kuntistabbli Scerri qal li f’Birzebbugia l-karozza għaddiet b’veloċita b’mod wrong side minn ġo triq ‘one way’. Ir-rotta għaddiet minn Birzebbugia għal Triq Għar Dalam u eventwalment iż-Żejtun imbagħad għal Ħal Tarxien u daħlet lejn Raħal Ġdid. Scerri spjega li mbagħad użaw Sistema ta’ Transport Malta biex ħarġu lista ta’ dak it-tip ta’ karozza Toyota Starlet Bajda. X’ħin bdew jeleminaw diversi karozzi kien hemm vettura li baqgħet tiġi suspettata. Qal ukoll li wara l-omiċidju, il-karozza suspettata twaħlitilha sticker fuq wara, faxxa fil-ġnub u anke twaħlitila mera. Qal li wara ġie ċċekjat fuq min hi reġistrata din il-karozza, li rriżulta fuq Lorin Scicluna li joqgħod fejn daħlet il-karozza u li kellu l-armi rreġistrati fuqu.

Għalhekk nhar is-17 ta’ Mejju, il-Kuntistabbli Scerri flimkien mall-Ispettur Keith Arnaud, esegwew mandat ta’ arrest f’11:40am. Huwa ġie arrestat waqt li kien għaddej ma’ sħabu minn triq fin-Naxxar. Hemmhekk irrakonta qal li Scicluna akkumpanja lill-Pulizija għal garaxx li kien juża f’Raħal Ġdid u ħadhom fir-residenza tiegħu u hemmhekk għaddilhom 4 armi fosthom waħda tal-għamla CZ ta’ 9mm.

Il-Kuntistabbli Scerri qal ukoll li aktar tard flimkien mall-Ispettur Keith Arnaud marru d-depot, fejn l-imputat ċempel lill-Avukat Jason Azzopardi sabiex ikun jista’ jassistih. Hemmhekk imbagħad saritlu l-interogazzjoni.

Aġġornat (2)

It-tieni xhud huwa James Green ħabib tal-akkużati, li fil-qorti ndika liż-żewġ akkużati. Qal li lil Lorin ilhu jafu xi 3 snin filwaqt li lil Francesco ilhu jafu xi ftit tax-xhur. Ikkonferma wkoll li Lorin għandu karozza tat-tip Toyota Starlet ta’ kulur abjad. Qal ukoll li Lorin ġieli mar miegħu għal kaċċa f’diversi postijiet u ġieli jilgħabu flimkien bil-playstation. Filfatt qal li sar jafu permezz tal-playstation. Qal ukoll li Lorin jafu bħala dilettant tal-karozzi u tal-armi. Green qal li Francesco kien qal li nkisrilom il-windscreen għax tajru lil xi ħadd. Qal li dak il-ħin li qalu hekk kienu qegħdin fil-pastizzerija ta’ Ħ’Attard ħdejn Lorin.

Francesco kien stqarr ma’ Green li Fenech u Lorin kienu Ħal Far bil-lejl u tajru lil xi ħadd, u għalhekk inkisrilom il-windscreen. Qal ukoll li huwa ra ritratt tal-‘windscreen’ imkisser fuq il-mobile ta’ Francesco Fenech. Madankollu Fenech kien bagħatt ir-ritratt fi group chat fuq whats app. Qal ukoll li malli sema bl-arresti tal-imputati hu ħassar il-konversazzjonijiet għax ma riedx li jkollhu x’jaqsam. Green ikkonferma wkoll Ii Lorin ġieli qallu li ma kellux grazzja mal-immigranti għax il-pajjiż qed jimtela’ bihom, filwaqt li Fenech qal li se jinvaduhom.

Green beda jagħti diversi dettalji dwar l-inċident fejn allegatament kienu heddew immigrant li kien għaddej fuq ir-rota minn triq il-ġebel. Dan wara li offendewh b’missieru bil-lingwa għarbija. Qal li l-kelma għajtuha kollha flimkien minn ġol karozza, dan biex jaqbdu miegħu. Qal li ħin minnhom l-immigrant tefa’ r-rota mal-ħajt, u allegatament beda jixħet xi ġebel lejn il-karozza. Spjega li malli raw hekk huma waqfu bil-karozza u niżlu biex jaraw x’ġara. Hemmhekk allegatament hu kompla jixħet iżjed ġebel. Qal ukoll li hu (Green) messlu r-rota li kienet mal-ħajt, għax waddablu ġebla.

Ikkonferma wkoll li lil Lorin kienu serqulu n-number plates u reġa xtara sett mingħand Transport Malta. Għalhekk in-number plates kienu għadhom imwaħħlin fuq in-naħa ta’ ġewwa iżda jidhru minn barra. Spjega wkoll li meta waqaf l-immigrant bir-rota, huma allegatament dawru n-number plates, biex ma jidrux. Qal li wara dan l-episodju huma marru jieklu. Meta mistoqsji x’reazzjoni kien hemm ġa la darba daħlu lura fil-karozza, huma qalu ‘x’affarijiet dawn qegħdin ġo pajjiżna u jixħet il-ġebel lejn il-Maltin’. Qal li mbagħad marru jieklu u wasluh id-dar minħabba li kien hemm l-arma tiegħu, senter tal-kaċċa fil-karozza u kien qed issir il-ħin. Għalhekk beda jibża li jinqabad bl-arma fil-karozza wara l-ħin stipulat.

Qal ukoll li madwar ħmistax wara hu reġa ltaqa’ mall-akkużat fejn iż-żewġ akkużati kelmuh dwar il-windscreen imkisser. Qalulu li kienu għaddejjin minn Ħal Far u eventwalment tajru wieħed.

Aġġornat (1) 

Fuq il-pedana tax-xhieda għat-tieni darba reġa tela’ l-Ispettur Keith Arnaud. Huwa xehed u ta dettalji dwar l-interogazzjoni ta’ Francesco Fenech. Arnaud spjega li waqt l-interogazzjoni l-imputat ikkonferma wkoll in-numru tal-mobile tiegħu u kkonferma li hu sar jaf lill-akkużat l-ieħor fir-reklutaġġ tal-armata. Fenech ikkonferma wkoll li hu u Lorin huma ħbieb ħafna u li Lorin jaħdem ġo pastizzerija u ta’ spiss immur ħdejh. Mal-Pulizija Fenech qal li m’għandu x’jaqsam xejn mall-omiċidju ta’ Lassine Cisse Souleymane u li ma jafux. Mistoqsi jekk jobodx il-persuni ta’ karnaġġjoni skur, Fenech qal li ma jobodhomx imma ma jieħux pjaċir bihom. Ikkonferma wkoll li ġieli marru jaqbdu mal-immigranti f’Ħal Far u mhux l-ewwel darba jew tnejn għaddew minn Triq il-Ġebel fejn inqatel l-immigrant.

Francesco kkonferma wkoll li kien preżenti wkoll meta ġimgħat qabel kienu nvoluti ma’ immigrant ieħor f’Ħal Far. Qal li huma niżlu għall-immigrant għax tahom daqqa fil-bieba. Arnaud qal ukoll lill-Pulizija kelmuh ukoll dwar meta allegatament tajru immigrant ieħor, Fenech ċaħad li kien ma’ Lorin. Dwar is-6 ta’ April, Fenech ċaħad li kien ma’ Lorin f’Ħal Far, iżda kkonferma wkoll li kien fil-pastizzerija ma’ Lorin qabel. Arnaud qal ukoll li waqt il-qtil ta’ Cisse Souleymane il-mobile ta’ Fenech kien mitfi.

L-Ispettur Arnaud qal ukoll li l-Pulizija kelmet lil kuġin ta’ Francesco Fenech, Dylan German. German qal lill-Pulizija li sar jaf li Fenech kien qed jagħmilha ma’ nies mhux daqshekk ta’ karattru tajjeb. Fiflatt Dylan kien bagħatt SMS lil Francesco wara l-qtil sabiex ma jibqax jagħmila ma’ ċertu nies. German ikkonferma wkoll li lil Lorin sar jafu wara l-qtil, meta Lorin waqfitlu l-karozza. Qal li wara d-delitt kienu marru fuqu Francesco u Lorin u qalulu kif setgħu jixpakkaw kanna ta’ pistola ta’ Lorin. Ikkonferma mal-Pulizija li kienu kelmuh ukoll dwar il-każ tal-qtil, u li Francesco qalu li kien ma’ Lorin meta qatlu l-immigrant, iżda qallu li mhux hu kien li spara. Arnaud spjega wkoll lill-Pulizija rnexxielha wkoll televa l-messaġġi tal-mobile li Dylan bagħatt lil Francesco biex ma jibqax jagħmilha ma’ ċertu nies ħżiena.

Arnaud qal ukoll lill-Pulizija kelmet persuna oħra ċertu James Green, li kien imur għal kaċċa ma’ wieħed mill-akkużati. Qal ukoll li ma kien jaf xejn dwar l-omiċidju. Madankollu kkonferma li jaf bl-inċident tar-rota u qalulu xi kelma bl-għarbi li permezz tagħha tkun qed toffendi lill-familjari tal-akkużat.

L-Ispettur Arnaud qal li mill-informazzjoni elevata mill-mobiles tal-imputati, jidher li l-mobiles intfew qabel id-delitt u l-aħħar li nqabdu kien fil-Fgura u reġgħu nxtegħlu wara d-delitt.

Waqt li kien qed jirrispondi għal mistoqsijiet tad-difiża, Dr. Gianella De Marco, Arnaud spjega wkoll li kien Lorin Scicluna li kkonferma mal-Pulizija li ntużat l-arma tiegħu f’dan l-omiċidju, u li l-munizzjon iż-żejjed ramih fil-baħar. Arnaud qal ukoll li fuq ix-xena tar-reat huwa sab sitt skrattaċ. Hawnhekk is-Sur Arnaud qal li qabel tressqu l-qorti l-akkużati, Lorin ħa lill-Pulizija r-rotta li hu u Francesco għamlu fil-lejl tar-reat. Arnaud qal ukoll li din ir-rotta taqbel ma dik tal-Pulizija. Arnaud qal ukoll lill-immigranti feruti qalulu li t-tiri ġew sparati minn naħa tax-xufier. Arnaud spjega wkoll li ż-żewġ settijiet ta’ skrataċċ li nstabu fuq ix-xena tar-reat kienu madwar 50 metru l’bogħod minn xulxin.

Aktar qabel

Dalgħodu f’awla numru 8 mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil tal-immigrant Lassine Cisse Souleymane u l-attentat tal-qtil ta’ żewġ immigranti oħra nhar is-6 ta’ April li għadda.

B’dan l-omiċidju qed jiġu mixlija żewġ suldati fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, Francesco Fenech u Lorin Scicluna. F’din il-kumpilazzjoni sa issa għada nstemgħet biss ix-xhieda tal-investigatur ewlieni f’dan il-każ l-Ispettur Keith Arnaud, li qal li mill-investigazzjonijiet li saru sa’ issa dan il-qtil ma għandu x’jaqsam xejn max-xogħol taż-żewġ akkużati fi ħdan il-Forzi Armati.

Fl-aħħar u l-ewwel seduta mill-kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-Ispettur Arnaud spjega eżattament kif seħħ l-omiċidju u anke kif il-Pulizija wasslet għaż-żewġ akkużati wara 41 jum ta’ investigazzjonijiet.

Għall-akkużati qed jidhru l-avukati Kris Busietta, Franco Debono, Gianella De Marco u Julian Farrugia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend