Il-gazzetti maħruġa t-Tnejn filgħodu kienu ddominati kif mistenni mir-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. B’diversi ritratti u titli, il-messaġġ kien wieħed – li din hi l-ikbar rebħa fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
“Rebħa Storika Laburista” huwa t-titlu tal-Orizzont li fil-faċċata tagħha ffukat ukoll dwar il-persentaġġi li kisbu l-partiti fl-elezzjoni. Jakkumpanja dan kien hemm ritratt tal-folla sabiħa quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-gazzetta n-Nazzjon qalet li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u r-raba’ siġġu fil-Parlament Ewropew, filwaqt li għażlet ritratt tal-Prim Ministru jsellem lill-folla fil-Ħamrun.
Jikkwotaw ukoll l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn f’messaġġ fuq l-istazzjon Nazzjonalista qal li “naċċettaw ir-riżultat bl-akbar umiltà.”
B’ritratt tal-Prim Ministru Joseph Muscat isellem mill-gallarija taċ-Ċentru Nazzjonalista Laburista it-Times of Malta għażlet it-titlu Historic Labour Victory.
Fir-rapport il-gazzetta qalet li din hi l-ikbar rebħa u kkwotat uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista li qalu li ma kinux qed jistennew telfa daqstant kbira.
It-Times iddedikat ukoll żewġ paġni sħaħ b’ritratti taċ-ċelebrazzjonijiet fil-Ħamrun.
Fi storja oħra kkwotat l-insistenza ta’ Delia li l-Partit Nazzjonalista għadu t-tieni l-ikbar partit f’Malta.
The Malta Independent ukoll użat ritratt tal-Prim Ministru fil-gallarija filwaqt li għażlet it-titlu Labour landslide.
Min-naħa l-oħra, il-gazzetta MaltaToday ffukat fuq il-Kap Nazzjonalista bit-titlu Delia’s Disaster fil-faċċata, flimkien ma’ ritratt ta’ Delia.