Malta – flimkien ma’ tliet pajjiżi Ewropej oħra – qed tivvota f’elezzjoni mferrxa mal-pajjiż kollu biex teleġġi sitt Membri Parlamentari Maltin li se jirrappreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew. Din hija r-raba’ darba li pajjiżna qed jieħu sehem fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fl-istess waqt il-poplu Malti u Għawdxi qed jivvota fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali – li għall-ewwel darba sa mit-twaqqif tagħhom 25 sena ilu, qed isiru kollha f’daqqa.
Għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew huma eleġibbli li jivvutaw 332,888 votant. Dan wara li ftit aktar minn 10% tal-votanti reġistrati ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom.
Għal din l-elezzjoni qed jikkontestaw 41 kandidat. 14 f’isem il-Partit Laburista, 10 f’isem il-Partit Nazzjonalista, tnejn għall-Alleanza Bidla, u tnejn għall-Alternattiva Demokratika, kandidat wieħed f’isem Brain Not Ego, u ieħor għall-Imperium Europa, tnejn għall-Moviment Patrijotti Maltin, erbgħa f’isem il-Partit Demokratiku, u ħames kandidati indipendenti.
Il-votazzjoni bdiet fis-7 ta’ filgħodu bl-issiġillar tal-kaxxi tal-voti u bil-ftuħ tal-postijiet tal-votazzjoni f’kull belt u raħal f’Malta u f’Għawdex. Il-votazzjoni tintemm fl-10 ta’ filgħaxija meta l-attenzjoni ddur fuq is-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar; li din is-sena tinsab lesta biex għall-ewwel darba fl-istorja tal-elezzjonijiet f’pajjiżna, l-għadd tal-voti jsir b’mod elettroniku.
Intant, għalkemm illum ivvota l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi, diġà kien hemm min ivvota s-Sibt li għadda.
Filfatt dakinhar ivvutaw dawk li taħt ġurament iddikjaraw li kienu se jkunu msefrin, dawk f’residenzi tal-anzjani u fl-isptarijiet.
Ċifri mill-Kummissjoni Elettorali juru li l-ġimgħa l-oħra, 84% ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw, eżerċitaw id-dritt tagħhom.
Kienu 7383 il-votanti rreġistrati, u l-voti mitfugħa kienu 6168.
Minbarra l-41 isem fuq il-karta tal-vot għall-elezzjonjiet tal-Parlament Ewropew, fi 68 lokalità l-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jagħżel ukoll lil dawk li se jirrappreżentawhom fuq livell lokali.
Din hi l-ewwel darba fl-istorja li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali saru kollha f’votazzjoni waħda mindu twaqqfu 25 sena ilu.
B’kollox l-elezzjonijiet qegħdin isiru fi 53 belt u raħal f’Malta u 14 f’Għawdex fejn jridu jiġu eletti 459 kunsillier minn 736 kandidat.
Eleġibbli li jivvotaw fl-elezzjonijiet lokali kien hemm 341,185. Dan wara li ftit anqas minn 92,400 ruħ ma ġabrux id-dokument tal-vot.
F’din l-elezzjoni l-Partit Laburista għandu 398 kandidat, il-Partit Nazzjonalista għandu 297 kandidat, disgħa għall-Alternattiva Demokratika, sebgħa oħra għall-Partit Demokratiku u ħamsa għall-Moviment Patrijotti Maltin.
Il-Gruppi Floriana l-Ewwel u l-Għarb l-Ewwel għandhom tliet kandidati kull wieħed waqt li 12-il kandidat qegħdin jikkontestaw dawn l-elezzjonjiet b’mod indipendenti.
Intant b’rabta mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, l-istazzjonijiet ONE qed ixandru programmi speċjali li bdew mis-sebgħa ta’ filgħodu u jibqgħu sejrin sa nofsillejl b’kollegamenti diversi minn bosta lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.