Fis-sena 2015 tnieda l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Antoine De Paule f’Raħal Ġdid. Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, li dak iż-żmien kien iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, f’isem il-gvern nieda l-pjan ta’ dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni. Il-ħsieb ewlieni li jsir dan il-proġett kien li din il-pjazza ssir iżjed tan-nies permezz ta’ żieda fiż-żona pedonali, tisħiħ ambjentali u titjieb l-esperjenza tal-konsumatur meta jżur dan iċ-ċentru kummerċjali li issa hu aktar imsaħħaħ.
Issa li dan il-proġett jinsab lest, din il-pjazza flimkien mar-responsabbiltà tal-manutenzjoni u taż-żamma tagħha, qed terġa’ tgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet qal li hekk kif beda dan il-proġett, ix-xogħol f’din il-pjazza qatt ma waqaf, fil-fatt minkejja li l-kuntratt ta’ dan il-proġett kien jiskadi f’Ottubru tas-sena l-oħra, tlesta tliet xhur qabel f’Lulju tas-sena l-oħra. Is-Segretarju Parlamentari qal li f’dan iż-żmien saru żewġ public conveniences ġodda, ġie introdott il-Green Corridor li hu passaġġ li jgħaqqad Ġnien il-Mediterran maċ-ċentru tal-pjazza, inbidlu z-zuntier tal-knisja u l-parti ċentrali tal-pjazza, qed jiġi rrestawrat kampnar tal-knisja, saret żieda fiż-żona pedonali, it-triq prinċipali fiċ-ċentru tal-pjazza saret triq dritta two-way magħmula bil-porfido u mhux bl-asfalt, saru żoni ta’ parkeġġ ġodda u qed jiġi rriġenerat ukoll Ġnien il-Mediterran.
Silvio Parnis żied li permezz ta’ dan il-proġett, intbagħat messaġġ b’saħħtu favur ir-raħal u favur din iż-żona importanti għal pajjiżna. Din il-pjazza llum hi katalist soċjali, ekonomiku u ambjentali kemm ta’ Raħal Ġdid kif ukoll għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Silvio Parnis temm jgħid li Pjazza Antoine De Paule llum laħqet l-għan ewlieni tagħha: li tkun il-Pjazza tan-Nies.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Etienne Grech qal li bis-surplus u bl-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna, il-gvern preżenti jista’ jinvesti bil-kbir fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Fil-fatt proġetti ta’ irranġar ta’ toroq, pjazez, overpasses, spazji miftuħa, ġonna, proġetti ta’ restawr fost l-oħrajn, nisimgħu bihom kuljum. Wieħed minn dawn il-proġetti li tnieda ftit xhur ilu hu proprju dak tal-Pjazza Antoine De Paule. “Hu ta’ unur għalija li nara li llum din il-pjazza u r-responsabbiltajiet tagħha se jgħaddu mill-ġdid f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid”.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima qal li l-Kunsill Lokali jinsab grat għal dan il-proġett li ta dehra ġdida lil Raħal Ġdid. Dan il-proġett kien ilu jiġi diskuss fl-istess kunsill għal bosta snin u issa bis-saħħa tal-gvern preżenti seta’ jsir realtà. Matul l-implimentazzjoni tal-proġett saru bosta laqgħat bejn il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet biex naċċertaw li dan il-proġett jilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. Talab il-kooperazzjoni ta’ kulħadd biex il-pjazza tinżamm fl-aqwa stat possibbli.