Il-President ta’ Malta George Vella żar l-istazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far. Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila kienu preżenti waqt din iż-żjara.
Il-President Vella rringrazzja lill-ħaddiema kollha f’isem il-poplu Malti talli għażlu professjoni li toffri servizz li jġib l-ewwel u qabel kollox is-saħħa u s-sigurtà ta’ min isib ruħu f’diffikultà u jkollu bżonn l-għajnuna.
Hu osserva li, għajr għal meta jkun hemm xi traġedja jew inkella jinxtara apparat ġdid, ħafna drabi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma tantx jingħata prominenza. Kompla billi jgħid li jemmen li l-ħidma ta’ kull ħaddiem għandha tingħata aktar attenzjoni u ġieħ, u appella biex ikun hawn aktar attivitajiet li jedukaw u jnisslu interess fix-xogħol tal-Protezzjoni Ċivili.
Barra min dan, il-President kompla billi enfasizza li l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja huma ċ-ċavetta biex individwu jkompli jkabbar l-għarfien u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu.
Il-President għalaq billi appella sabiex kull ħaddiem ikun kburi bix-xogħol tiegħu u tagħha. Wera wkoll ix-xewqa li aktar tfal u żgħażagħ jagħrfu kemm hu ta’ sodisfazzjon li jkunu ta’ servizz għal ħaddieħor u jaspiraw li ‘l quddiem jibdew karriera mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li dan id-dipartiment qed jinbidel minn dipartiment ta’ tifi tan-nar għal verament dipartiment ta’protezzjoni ċivili.
“Id-dipartiment qed jagħmel investiment kontinwu u l-membri qed jitħarrġu f’diversi setturi. Għaddejja ħidma kontinwa sabiex jitwettaq pjan ta’ seba’ snin li ser ikun qed isaħħaħ id-dipartiment sabiex jilħaq livell aktar għoli. Parti mill-pjan hu li jinbnew l-istazzjonijiet kollha u jkunu reżistenti għall-terrimoti. Fl-istess waqt għaddej investiment qawwi sabiex tinbidel il-flotta tal-vetturi u jiddaħħlu vetturi ġodda li qatt ma kellu l-protezzjoni ċivili. Ftit tal-jiem ilu ġie inawgurat turntable ladder li jitla’ sa’ 32 metru. Mhux biss, iżda ser jinxtraw erba’ vetturi li jlaħħqu 22 metru, tliet vetturi oħra li jlaħħqu 32 metru, vettura li tilħaq sa 60 metru, u vettura oħra li tlaħħaq sa 70 metru. Ser jibdew it-taħdidiet sabiex issir konsultazzjoni pubblika dwar il-Fire Regulations, fejn id-dipartiment ser jingħata l-għodda sabiex jagħmel evalwazzjoni ta’ binjiet u stabbilimenti.”
Il-Ministru Michael Farrugia semma kif preżentament, 130 rekluta, fosthom tliet nisa, għaddejjin minn taħriġ estensiv biex jissieħbu fid-dipartiment. Huwa saħaq li diġà bdew diskussjonijiet mal-unions sabiex jintlaħaq ftehim fuq pakkett finanzjarju u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-membri tad-dipartiment. Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-President George Vella għaż-żjara tiegħu, u rringrazzja wkoll lill-voluntiera u l-NGOs li jaħdmu qatigħ sabiex jassistu lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Id-Direttur Emanuel Psaila qal li huwa ta’ unur għalih u għad-dipartiment li laqgħu lill-President George Vella. Is-Sur Psaila semma kif bħalissa 130 rekluta għaddejjin minn taħriġ intensiv sabiex fil-futur qarib jissieħbu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa qal ukoll li l-membri tad-dipartiment attendew diversi taħriġ, fosthom eżerċizzji in-house fuq fire behaviours, foam u absailing. Mhux biss, iżda l-membri tħarrġu fuq tifi tan-nar f’bini għoli, tħarrġu fuq tifi tan-nar u salvataġġ minn fuq helicopter, u kif iħaddmu d-drones. Il-membri tas-sezzjoni tal-K9 ukoll ħadu taħriġ speċjalizzat, filwaqt li s-sezzjoni tal-USAR ingħataw taħriġ intensiv minn esperti tal-USAR mill-Kanada u minn Wales.