L-eks suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta Godwin Schembri ma tkeċċiex mill-Armata minħabba filmat imtella’ fuq il-midja soċjali jżebblaħ l-Armata, iżda minħabba nuqqasijiet serji li wettaq tul l-karriera tiegħu.
Dan joħroġ minn r-rikors imressaq l-qorti, mill-Kap Kmandant tal-Armata, il-Brigadier Jeffrey Curmi, bi tweġiba għall-kawża li fetaħlu l-ex Bumbardier Godwin Schembri.
F’Novembru li għadda, Schembri tkeċċa mill-Armata meta waqt il-ħin tax-xogħol, liebes l-uniformi u f’vettura tal-Armata, ġibed filmat bi kliem ħażin u dagħa.
Mir-rikors ħareġ li tul il-karriera militari tiegħu, Schembri ħammeġ il-fedina penali tiegħu għal iktar minn darba. Huwa nstab ħati mill-Qorti b’reati fosthom ta’ ġrieħi ħfief fuq terzi, b’sewqan traskurat u eċċessiv fost oħrajn.
Tul il-karriera tiegħu huwa akkumula aktar minn għoxrin charge għal reati militari li nstab ħati tagħhom u twiddeb tliet darbiet.
Minkejja dan, l-Armata tatu bosta opportunitajiet biex jirriforma ruħu u jaqdi dmiru bħala suldat.
Fit-tweġiba, il-Kap Kmandant qal li Schembri ma tkeċċiex mill-Armata minħabba l-filmat, iżda minħabba n-nuqqasijiet serji tul il-karriera tiegħu.
Irriżulta wkoll li kien Schembri stess li ordna lill-kollegi jeħodlu l-filmat u li xerrdu fi gruppi, bil-filmat jispiċċa fuq il-midja soċjali.
Fir-rikors, il-Kap Kmandant qal li dan kollu juri li b’għemilu Schembri ma kien xejn eżemplari tul il-karriera ta’ suldat.
F’Novembru li għadda għadd ta’ deputat nazzjonalisti ħarġu jiddefenduh u attakkaw lit-tmexxija tal-Armata.
Anki l-midja Nazzjonalista ddefenditu u fetħet attakk fuq l-armata għax imxiet skont il-prassi.
Saħansittra, il-Ħadd ikkwotawh meta ħareġ jgħajjar lill-Kap Kmandant u qalulu li jmissu jistħi.